Saturday, December 21, 2024

“Il-PL hu ċ-ċavetta għal futur sod li jkompli jwettaq dak li wiegħed” – Keith Azzopardi Tanti

Aqra wkoll

Keith Azzopardi Tanti twieled nhar is-17 ta’ Marzu 1984 u llum il-ġurnata għandu 37 sena. Hu miżżewweġ lil Alexia u għandhom żewġt itfal Alessandro u Gianluca. Hu gradwat fl-Ekonomija u l-Management mill-Università ta’ Malta filwaqt li għandu wkoll kwalifika ACCA tant li hu jeżerċita l-professjoni ta’ Accountant.

Beda l-karriera tiegħu bħala ħaddiem fis-servizzi finanzjarji, l-ewwel f’bank kummerċjali imbagħad fit-taqsima tal-istatistika ekonomika fi ħdan l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika. 

Azzopardi Tanti speċjalizza fis-settur tat-taxxa internazzjonali fi ħdan l-Awtorità għas-servizzi finanzjarji ta’ Malta. Hemmhekk kellu r-rwol ta’ financial controller, rwol li kien jaqdi bl-aħjar mod possibbli. 

Jiddeskrivi lilu nnifsu bħala dilettant kbir tal-futbol tant li jsegwi sew il-futbol Taljan u Ingliż u jissimpatizza ma’ Juventus u Tottenham Hotspur. F’Malta hu partitarju ta’ Pietà Hotspurs u fejn jista’ jsegwi dak li jkun għaddej. 

Dan is-sit iltaqa’ ma’ Keith Azzopardi Tanti fejn hu kordjalment weġibna għall-mistoqsijiet li għamilnilu. 

Bdejna billi tkellimna dwar l-esperjenza tiegħu bħala sindku ta’ Pietà. X’impatt ħalliet fuqu?

“Nibda biex ngħidlek li l-kariga ta’ sindku ħadtha b’serjetà kbira. Fil-verità traskurajt il-professjoni tiegħi ta’ accountant u dħalt b’ruħi u b’ġismi f’dan ir-rwol tant ċentrali u importanti. Ġejt elett għal darbtejn konsekuttivi l-ewwel b’685 vot u t-tieni darba żidt għal 1452 vot. Minkejja li r-rwol ta’ sindku fih ħafna u ħafna xogħol u responsabbiltà, ma ngergirx għax ninsab għal qalbi niltaqa’ man-nies u nara x’inhuma l-bżonnijiet tagħhom.”

“L-ewwel objettiv tiegħi meta lħaqt sindku kien dak li nħalli Pietà ferm aħjar minn dak li sibtu. Din hi lokalità ferm sabiħa għalkemm okkupata ħafna minħabba li fiha hemm bini importanti u ħafna uffiċini u ħwienet. Tal-Pietà jinsab bejn żewġ lokalitajiet kbar, jiġifieri l-Imsida u l-Ħamrun u għalhekk li ħdimna ħafna f’dawn l-aħħar snin sabiex intejbu l-infrastruttura tal-madwar grazzi wkoll għall-ministru Ian Borg. Daħħalna t-trasport b’xejn għal-lokalità kif ukoll għamilna berġa l-ġmiel tagħha li taqdi l-bżonnijiet tar-residenti.”

Azzopardi Tanti se jkun qed jikkontesta l-elezzjoni ġenerali tas-26 ta’ Marzu li ġej fl-ewwel distrett li jinkludi l-Belt Valletta, Tal-Pietà, il-Ħamrun, Santa Venera u Floriana. Hu għażel is-slogan “Politika Qalb In-Nies” u f’dawn l-aħħar xhur beda l-kampanja elettorali tiegħu billi jdur il-lokalitajiet fejn se jkun qed joħroġ sabiex jiltaqa’ mal-kostitwenti tiegħu. Barra minn hekk għażel ukoll erba’ kwalitajiet li qed jissemmew ferm f’kull messaġġ li qed ipoġġi fuq il-midja soċjali u dawn huma valuri, ħidma, lealtà u onesta. Hu jsemmi li dawn huma erba’ pilastri importanti fil-ħidma tiegħu fil-ħajja ta’ kuljum u dik futura jekk eventwalment jiġi elett bħala membru parlamentari. 

Is-sindku tal-Pietà jgħid iċ-ċaqliqa minn politika lokali għal waħda nazzjonali kienet naturali għax fil-verità kellu jkun il-pass li jmiss. Barra minn hekk hu ilu għal diversi snin jimmilita fil-Partit Laburista.

“Bdejt l-involviment tiegħi fil-politika sa minn età żgħira ħafna. Kien proprju l-eks Prim Ministru Joseph Muscat li ntroduċieni fil-Partit Laburista meta bħala voluntier kont nagħti s-servizzi tiegħi fil-customer care tal-Partit msejħa Assistenza Ċittadin. Servejt fit-tul ukoll fil-kumitat lokali Laburista f’Tal-Pieta’ u għal xi snin kelli kariga uffiċjali wkoll fi ħdan l-Eżekuttiv Nazzjonali tal-Forum Żgħażagħ Laburisti.”

“Fis-sena 2013 aċċettajt l-istedina tal-Partit Laburista sabiex nikkontesta għall-elezzjoni tal-Kunsill Lokali tal-Pietà. Ġejt elett għal darba darbtejn f’din il-kariga kif għedtlek aktar qabel.”

“Fl-2020, il-Prim Ministru attwali u mexxej tal-Partit Laburista Dr Robert Abela ħajjarni sabiex nikkontesta u nestendi s-servizzi tiegħi fuq livell nazzjonali. Ġejt ikkonfermat mill-eżekuttiv nazzjonali sabiex nikkontesta l-elezzjoni li ġejja u hawn jien lest sabiex nagħti s-servizzi tiegħu għal dan l-avveniment li qed nistenna b’ħerqa kbira.”

Azzopardi Tanti jgħid li l-politika minn dejjem kienet togħġbu tant li anke meta kien żgħir mhux darba jew tnejn li kien jiddiskuti avvenimenti politiċi li kienu jiġru fil-pajjiż ma’ sħabu fejn mhux dejjem kienu jaqbel  mal-ideoloġija tagħhom. Madankollu hu kellu għal qalbu l-Partit Laburista u dejjem ra kif għamel sabiex jiddefendi l-pożizzjoni ta’ xi temi li kienu attwali dak iż-żmien. 

Keith Azzopardi Tanti hu missier, attivist, accountant u sindku. Iżda kif jirnexxielu jlaħħaq ma’ dawn l-affarijiet kollha?

“Biex inkun onest miegħek bħalissa hu ferm diffiċli li nlaħħaq ma’ din l-istil ta’ ħajja peress li qed ikolli kampanja elettorali intensiva fejn qed niltaqa’ mal-kostitwenti tiegħi. Nammetti li l-familja tiegħi mhux qed nagħtiha l-attenzjoni li tistħoqqilha u bħalissa mhux faċli tlaħħaq ma’ 24 siegħa f’ġurnata.”

“Normalment meta ma jkollix din ir-rutina intensiva, b’xi mod dejjem irnexxieli nlaħħaq minħabba li norganizza l-ġurnata bl-aħjar mod possibbli u dejjem sibt ħin għal kollox. Bħalissa ovvjament il-kampanja elettorali tieħu l-preċedenza fejn qed niltaqa’ ma’ ħafna nies mil-lokalitajiet tal-Belt Valletta, Tal-Pietà, il-Ħamrun, Santa Venera u Floriana sabiex nara x’inhuma l-affarijiet li qed jinkwetawhom.”

Saqsejna lil Keith Azzopardi Tanti x’timbru jixtieq iħalli bħala politiku ġaladarba jiġi elett bħala membru parlamentari. Hu jgħidilna li l-politika jsejħilha bħala għodda li biha tagħmel il-ħajja tan-nies aħjar. Fil-fatt hu jixtieq li ġaladarba jirtira minn politiku, in-nies jibqgħu jiftakruh għall-proġetti li għamel u kemm biċċa xogħol li kienet żgħira għal ħaddieħor setgħet kienet kbira għax solvietlu problema.

Tkellimna dwar il-Partit Laburista li rebaħ l-elezzjoni tas-sena 2013 u dik tal-2017. Issa ġejja elezzjoni oħra u l-għan hu dejjem li dak li l-partit kiseb s’issa jibqa’ jżommu, anzi jkun hemm kontinwità. Iżda kif jista’ dan il-partit tant glorjuż jibqa jkun rilevanti għas-snin li ġejjin.

Azzopardi Tanti jsostni li l-ewwel ħaġa hu importanti li l-Partit Laburista jibqa’ jħaddan l-politika qrib in-nies. Jisħaq li l-kandidati kollha għandha tiġi minnhom li jkomplu l-ħidma tagħhom viċin in-nies. Xi ħaġa li dan il-partit verament qed iwettaq bl-aqwa mod possibbli hu li baqa’ umli minkejja li kiseb rebħa wara l-oħra. 

Tlabna lil Keith Azzopardi Tanti sabiex itina messaġġ finali inqas minn xahar ‘il bogħod mill-elezzjoni ġenerali. 

“Il-messaġġ finali tiegħi hu wieħed ċar. Fis-26 ta’ Marzu se nkunu qed nagħżlu gvern li jrid joħodna għall-futur sabiħ. Għandna għażla bejn partit li għadu kkakmat mal-passat u ieħor li wettaq riformi f’dawn l-aħħar snin u mistenni jkompli l-viżjoni tiegħu għall-futur. Il-Partit Laburista hu ċ-ċavetta għal futur sod li jkompli jwettaq dak li wiegħed filwaqt li jagħti kwalita’ ta’ ħajja aħjar lin-nies.”

Ekonomija

Sport