Thursday, April 18, 2024

IL-PL FI TRIQTU LEJN ELEZZJONI ĠENERALI BI PROPOSTI KONVINĊENTI

Aqra wkoll

Aktar ma’ jgħaddi ż-żmien, aktar nikkonvinċi lili nnifsi kemm kienet għażla għaqlija li nikkandida lili nnifsi mal-Moviment Laburista. Il-viżjoni ta’ dan il-partit hija l-istess viżjoni li nħaddan jien. L-interess ewlieni fija jħaddan prinċipju soċjalist, li nara kif ħa ntejjeb il-ħajja tan-nies. L-istess hija l-viżjoni tal-Partit Laburista mmexxi mill-Prim Ministru tant bravu Dr Robert Abela. Dan tixhdu l-istatistika u mhux qed nivvintah jien, ftakru u araw kemm tqassam ġid f’dawn l-aħħar sentejn meta d-dinja kienet għaddejja minn kriżi. Minflok il-Gvern daħħal miżuri t’awsterità, għażel li jdaħħal inċentivi u ħalla aktar flus fil-bwiet tan-nies. Iva ra kif l-ekonomija jsaħħaħha u mhux ikompli jdgħajifa b’miżuri li jagħtu xokk lill-ekonomija minflok spinta li tqajjem u ssaħħaħ il-kummerċ.

Iżda f’din il-kampanja elettorali l-Partit Laburista ma waqafx hawn. Għażel li jkompli jinċentiva lill-poplu Malti b’aktar għajnuniet u aktar investiment. Dan juri biċ-ċar kemm il-Partit Laurista huwa partit b’ruħ soċjali, li jifhem u jħoss il-polz tan-nies u iktar minn hekk huwa Partit li jinżel man-nies, mhuwiex partit li qiegħed fuq il-podium jew fit-tribuna tal-poter u jħares lejn in-nies minn fuq għal isfel. 

Madankollu tajjeb li nsemmi ftit proposti li ressaq il-Partit Laburista fl-ewwel ġranet tal-Kampanja Elettorali għall-Elezzjoni tas-26 ta’ Marzu li ġej. Nibda billi nsemmi proposta li se tolqot tajjeb lill-pensjonanti. L-anzjani huma tant għal qalb il-Moviment Laburista li f’għajnejh jarahom bħala il-persuni li bis-saħħa tagħhom aħna illum wasalna s’hawn. Proprju għalhekk din il-proposta se tagħti lill-pensjonanti €15 fil-ġimgħa fil-bwiet tagħhom, imqassma matul leġislatura sħiħa. Apparti dan mediċini li qegħdin fuq il-formolarju se jingħataw kollha b’xejn. Dawn huma miżuri kruċjali li se jtejbu l-ħajja tal-anzjani tagħna. 

Proposta oħra hija fl-investiment ambjentali. Allokazzjoni ta’ €700 miljun għal spazji ħodor sabiex jissebbaħ l-ambjent u nkunu nistgħu ngħixu ħajja aħjar u nassorbu arja aktar nadifa. Dan l-investiment se jsir fuq medda ta’ seba’ snin. Proposta li ntlaqat tajjeb ħafna minn kull min għandu għal qalbu l-ambjent. 

Proposta oħra li se tolqot tajjeb lill-first time buyers, lil dawk iz-żgħażagħ li se jagħmlu l-pass sabiex jinvestu fi propjetà, il-Gvern se jkun qed jgħinhom ukoll. Gvern Laburista meta jtenni li jrid jara aktar nies sidien ta’ darhom, ma jkunx qed jiċċajta iżda jkun qiegħed jgħid dan b’viżjoni. Għaldaqstant se jkun qed jagħti €10,000 lill-first time buyers fuq perjodu ta’ għaxar snin. €1,000 fis-sena sabiex jitnaqqsu mil-loantagħhom. Din il-miżura tibda tgħodd minn Jannar 2022 ‘il quddiem. Dan se jkun inċentiv li jħallilek aktar flus fil-but sabiex lkoll ngħixu ħajja aħjar. 

Ħbieb dawn il-proposti u ħafna oħrajn li jridu jiġu mħabbra, qed jiġu milqugħa b’mod pożittiv miċ-ċittadini li qed jipparteċipaw f’surveys appuntu fuq il-proposti mħabbra. Insaqsi kif tista’ ma tafdax lill-Partit Laburista sabiex ikun hu li jerġa’ jmexxi lil pajjiżna, meta tisma’ tant proposti pożittivi. Ukoll affermazzjoni li l-kontijiet se jibqgħu bla mittiefsa u ma jogħlewx minkejja l-kriżi li għaddejja d-dinja preżentament. Dawn huma proposti konkreti li se jwasslu biex pajjiżna jkompli jikber ekonomikament proprju kif imħabar fit-tbassir ekonomiku. Dan jawgura tajjeb għal futur isbaħ, għal għajxien aħjar u għal serħan il-moħħ għal għada. L-għażla hija waħda, vot lill-Partit Laburista jfisser vot għal ġejjieni sabiħ. Insellmilkom.

Ekonomija

Sport