Tuesday, April 30, 2024

Ftehim għal proġetti ta’ riċerka dwar is-settur volontarju f’pajjiżna

Aqra wkoll

L-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontartji (OCVO), l-Università ta’ Malta u l-Fakultà għat-Tisħiħ Soċjali ffirmaw Memorandum of Understanding ta’ kollaborazzjoni li se jinkludu proġetti ta’ riċerka għat-tiġdid tas-settur volontarju. 

Fil-kummenti tiegħu, il-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji, Jesmond Saliba rrefera għall-proġetti ta’ riċerka bħala “l-pedament tal-Konvenzjoni VO Plus u l-bażi tal-bidla fi ħdan is-settur tal-volontarjat f’pajjiżna.” 

Saliba semma kif dawn il-proġetti ta’ riċerka għandhom l-għan li jiddeterminaw l-irwol fundamentali tas-settur volontarju għallħtiġijiet soċjo-ekonomiċi attwali u futuri.”

Is-Segretarju Permanenti Matthew Vella, aċċenna għall-importanza li l-persuna titpoġġa fiċċentru tal-ħidma. Huwa spjega li l-OCVO, permezz tax-xogħol siewi li qiegħed jagħmel u permezz ta’ din ir-riċerka, qiegħed ipoġġi lill-għaqdiet volontarji u lill-benefiċċjarji tagħhom fiċċentru tar-riċerka u l-ħidma tiegħu. Vella saħaq kif, dan il-mument se jieħu lis-settur għall-fażi tat-tiġdid, tant li rridu nimxu għall-punt fejn servizzi li joffru għaqdiet volontarji ma jkunux irrepplikati mis-settur pubbliku nnifsu.

Fl-intervent tiegħu, ir-Rettur tal-Università l-Professur Alfred J. Vella, saħaq kif permezz ta’ dan l-iffirmar, l-Università qed tkompli ssaħħaħ l-impenn tagħha lejn in-nazzjon u l-poplu Malti fir-rigward ta’ riċerka. Huwa spjega kif permezz tar-riċerki, kemm l-Università kif ukoll istituzzjonijiet oħrajn, f’dan il-każ l-OCVO, jistgħu jinfurmaw ruħhom xjentifikament. 

Id-Dekan tal-Fakultà għall-Tisħiħ Soċjali l-Professur Andrew Azzopardi, stqarr li “l-organizzazzjonijiet volontarji huma l-eqreb imsieħba tal-Fakultà tagħna, iżda mhux biss. LVOs huma r-ruħ ta’ dak kollu li nagħmlu, huma l-vuċi u l-eroj veri fis-settur soċjali.” 

Il-proġetti ta’ riċerka huma maqsumin f’żewġ riċerki rispettivi u se jkunu qegħdin jistudjaw bir-reqqa aspetti varji fi ħdan is-settur volontarju. Il-proġetti ta’ riċerka se jkunu parallelli għal xulxin u l-konklużjonijiet se jkunu minsuġin bil-għan li jiġu ndirizzati l-bżonnijiet kurrenti u futuri tas-settur volontarju u l-organizzazzjonijiet volontarji. 

Wieħed mill-proġetti tar-riċerka, intitolat, Assessjar tas-settur volontarju Malti – Ostakli u motivazzjonijiet għall-parteċipazzjoni, se jagħti lill-OCVO fehma profonda ta’ liema organizzazzjonijiet volontarji għandhom l-aktar rappreżentazzjoni b’saħħitha. Din ir-riċerka se tkun ukoll qed tidentifika l-motivazzjonijiet u l-ostakli li jippermettu jew ixekklu, rispettivament, il-parteċipazzjoni fis-settur volontarju. It-tieni riċerka se tkun qiegħda tanalizza u tistudja l-Kontribuzzjoni tas-settur volontarju fis-soċjetá Maltija. 

Permezz ta’ din ir-riċerka, l-OCVO se jkun jista’ jifhem aktar il-bżonnijiet tal-benesseri tal-impjegati u jeżamina jekk is-settur volontarju jissodisfax dawn il-bżonnijiet. Aktar minn hekk, din ir-riċerka se tagħti spettru ċar tan-nuqqasijiet soċjali li jistgħu jkunu indirizzati u milħuqa mis-settur volontarju u l-organizzazzjonijiet volontarji. 

Il-konklużjonijiet kwalitattivi u kwantitattivi li se joħorġu minn dawn il-proġetti se jwasslu biex ikunu indirizzati tibdiliet leġiżlattivi fis-settur volontarju u jkunu msawwra riformi soċjoekonomiċi oħrajn li għalihom jista’ jikkonbtribwixxi s-settur volontarju. Dawn il-proġetti ta’ riċerka mill-Fakultà għat-Tisħiħ Soċjali huma parti mir-riforma nazzjonali VO Plus, li matul is-sena preċedenti, l-OCVO nieda taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta.

Sport