Sitta u erbgħin sena wara li Karin Grech inqatlet permezz ta’ ittra bomba, il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela u l-Amministrazzjoni tal-Partit Laburista fakkru l-memorja tagħha fuq il-mafkar tagħha f’San Ġwann.
Il-Prim Ministru qal li Karin Grech u l-familja tagħha kienu vittma ta’ qtil politiku frott il-mibegħda. Qal li minkejja li għadda kważi nofs seklu, għandna nibqgħu nfakkru dan l-episodju u nkomplu nrawwmu valuri b’saħħithom tal-imħabba u r-rispett.
“Quddiem l-inġustizzja li seħħet ma’ Karin Grech irridu nkunu sodi u nibagħtu messaġġ qawwi li ħadd ma għandu jaħrab mill-ġustizzja”, sostna Dr Abela hu u jisħaq li l-prinċipju tal-paċi li pajjiżna qed ikun promotur tiegħu anki fid-dinja, irridu anki nsostnuh f’pajjiżna għax bil-paċi jgawdi kulħadd.
Il-Mexxej Laburista fakkar ukoll kif missier Karin Grech, il-Professur Edwin Grech li ħalla din id-dinja ftit tax-xhur ilu kien tabib li kien qed jagħti servizz liċ-ċittadini u ta’ dan spiċċa ħallas bil-ħajja ta’ bintu.