Sunday, February 23, 2025

Il-Prim Ministru jħabbar li ċ-Ċittadella u l-Imdina se jkunu proposti li jiddaħlu fil-lista tal-Patrimonju Dinji tal-UNESCO

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-Gvern jemmen fil-potenzjal tal-patrimonju Malti u ħabbar li ċ-Ċittadella u l-Imdina se jkunu proposti li jiddaħlu fil-lista tal-Patrimonju Dinji tal-UNESCO.  Żied jgħid li l-Gvern qed jaħdem fuq il-kadidatura fl-elezzjoni ta’ Novembru li ġej għall-Kumitat tal-Patrimonju Dinji tal-UNESCO għax jemmen li Malta tista’ tikkontribwixxi għall-ħarsien ġenerali tal-Patrimonju Dinji.

Meta kien qed jieħu sehem f’diskussjoni dwar is-settur kulturali, il-Prim Ministru rrefera wkoll għall-ħidma importanti li qed issir mill-każini tal-banda, li qal qed issaħħaħ il-kwalità tat-tagħlim tal-mużika.  Innota l-ftehim li sar bejn id-Direttorat tal-Kultura, l-Għaqda Każini tal-Banda u l-MCAST biex jingħataw korsijiet akkreditati lill-għalliema tal-mużika fil-każini fl-ibliet u l-irħula tagħna.

Dr Abela qal li l-kultura hija marbuta mal-kwalità tal-ħajja tant li l-Gvern qed jinvesti iktar flus f’dan is-settur, kemm biex ikompli jrawwem it-talent tat-tfal u ż-żgaħżagħ fl-arti u l-kultura, iżda wkoll biex jissaħħaħ il-legat li writna f’dan is-settur.  Huwa qal dan b’referenza wkoll għall-festi u semma kif il-Gvern salva numru ta’ għaqdiet mużikali b’investiment ta’ €19-il miljun biex jixtri l-każini li kienu se jiġu żgumbrati.

Il-Prim Ministru rrimarka kemm mid-diskussjoni li saret dalgħodu ħarġu suġġerimenti u proposti mill-interventi tal-udjenza li wara diskussjoni dwarhom mal-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali se jkun qed jgħarbilhom biex minnhom jitfasslu miżuri f’dan is-settur.  Irrefera kif kien b’dan il-mod li l-Hub tal-Kultura minn ħolma li se ssir realtà.

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal li l-kultura hija fiċ-ċentru tal-ħidma tal-Gvern u iktar ma jsir investiment fiha iktar se tagħmel ġid għall-għaqda nazzjonali.  Sostna li l-kultura qed tkun fuq l-aġenda nazzjonali, mhux biss għax eluf jaħdmu f’dan is-settur, u fl-istess waqt huwa qasam li jsaħħaħ il-kuntentizza tal-poplu u jagħti iktar saħħa morali lill-Maltin u l-Għawdxin.

Matul id-diskussjoni ħadu sehem bosta esperti fil-qasam u saru għadd ta’ interventi minn individwi li jaħdmu fis-settur, fosthom fit-teatru, it-televiżjoni, il-patrimonju lokali u l-lingwa Maltija, iżda wkoll mill-għaqdiet volontarji nvoluti fil-festi, il-Karnival u l-kultura b’mod ġenerali.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport