Il-Prim Ministru Robert Abela f’waħda minn sensiela ta’ żjarat f’negozju u postijiet tax-xogħol li komplew jinvestu, żar il-Greens Supermarket fl-Imrieħel. Dan l-investiment kompla jkun xhieda ta’ fiduċja li n-negzojanti għandhom f’pajjiżna.
Dan hu negozju tal-familja li tul iż-żmien evolva minn ħanut tal-merċa għal supermarket ewlieni f’pajjiżna.
Waqt iż-żjara, il-Prim Ministru seta’ jara t-tkabbir u l-investiment fl-infrastruttura li sar mit-tmexxija tal-kumpanija, li finalment qed ifisser iktar opportunitajiet ta’ xogħol. Sa Marzu tal-2021, il-kumpanija kienet tħaddem 350 ħaddiem u l-investiment tagħha matul is-snin kien ilaħħaq dak ta’ €30 miljun. Illum Greens Supermarket iħaddem 600 ħaddiem u l-investiment totali f’makkinarju, riżors uman u loġistika jmiss it-€38 miljun.
Waqt iż-żjara tiegħu l-Prim Ministru Robert Abela ltaqa’ wkoll ma’ diversi familji li kienu qegħdin jagħmlu x-xirja tagħhom. Il-Prim Ministru tenna mill-ġdid l-impenn tal-gvern li jkompli jgħin u jwieżen lill-familji Maltin u Għawdxin, b’mod partikolari fis-settur tal-enerġija bil-għan li jibqa’ jagħti serħan il-moħħ quddiem sfidi internazzjonali mhux żgħar.
Fil-fatt, it-tmexxija tal-kumpanija Greens Supermarket spjegat kif il-ħaddiema tagħha jaħdmu f’ambjent trankwill u sigur grazzi għall-investiment li sar matul is-snin fil-makkinarju li kontinwament jiffaċilità l-ħidma tal-impjegati. Sar ukoll investiment f’sistemi ta’ teknoloġija diversa.
Id-Direttur Maniġerjali Joseph Sammut irringrazzja lill-prim ministru taż-żjara tiegħu u tal-fiduċja li dejjem wera l-gvern fis-settur privat. Fil-fatt, is-Sur Sammut għamel referenza wkoll għal investiment ieħor tal-kumpanija, din id-darba fis-settur tal-ospitalità, bil-ftuħ ta’ ristorant ġdid bl-isem ta’ Mondo, li wkoll telaq b’mod b’saħħtu sinjal ukoll tal-fiduċja li għandu l-konsumatur Malti.