Friday, December 13, 2024

Il-PM iħabbar inċentiv biex jiġu impjegati nisa 40+ li qatt ma kienu fis-suq tax-xogħol

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

“Se nkunu qed inħabbru proposta ambizzjuża oħra  fil-manifest elettorali tagħna fejn għal dawk in-nisa ‘il fuq minn 40 sena li qatt ma kienu fis-suq tax-xogħol, se nkunu qed inħallsu sa 30% tas-salarju, sa €6,000, għal medda ta’ tliet snin biex b’hekk ninċentivaw aktar nies li jħaddmu jimpjegaw minn din il-kategorija ta’ nies.”

Kienet din waħda mill-proposta li tkellem dwarha l-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela waqt intervista minn Marsaxlokk.

Dan fl-isfond tal-fatt ukoll li kumpaniji li jħaddmu aktar minn 50 ħaddiem u jkollhom 40% tat-tmexxija eżekuttiva tagħhom nisa, jingħataw tax credit sa massimu ta’ €50,000 fuq il-pagi ta’ dawn il-ħaddiema.

Dr Abela tkellem ukoll dwar is-settur tas-sajjieda u qal li mhux biss jemmnu fil-futur għas-sajjieda imma jemmnu li hija niċċa ekonomika importanti għal pajjiżna.

Dr Abela ħabbar li jekk il-poplu jagħtihom fiduċja fis-26 ta’ Marzu, se juru kemm dan is-settur huwa importanti tant li se jiddiskutu mal-banek dwar il-possibiltà li jinħolqu strumenti finanzjajri biex iservu ta’ appoġġ għall-bdiewa, ir-raħħala u s-sajjieda.

“Fil-manifest elettorali għandna sezzjoni sħiħa għal dan is-settur u qed ngħid dan biex nuri kemm verament nagħtu prijorità lil dan is-settur tal-agrikoltura kif ukoll tar-raħħala.”

Tkellem kif waħda mill-inċentivi se tkun il-ħolqien, jew l-iffaċilitar, ta’ strumenti finanzjarji biex jgħinu lis-settur tas-sajd, lir-raħħala u l-bdiewa.

“Se naraw ukoll li jsir investiment fuq il-bini ta’ breakwater fuq in-naħa ta’ Delimara biex nipproteġu kemm jista’ jkun l-opri tal-baħar li jinsabu fuq in-naħa ta’ ġewwa,” qal Dr Abela

Żied jgħid: “Miżura oħra speċifika hija li se niedu skema ta’ kumpens għal dawk is-sajjieda li jiddeċiedu li jirtiraw fejn se jkunu qed jitrasferixxu l-opri tal-baħar tagħhom u l-liċenzji għal sajjieda żgħażagħ jew għadhom deħlin f’din is-sengħa.” Qal ukoll li dawn l-istrumenti finanzjarji se jkunu qed jestenduhom ukoll għal dawk li jiddeċiedu li jixtru l-ewwel opra tal-baħar tagħhom biex joperaw bħala sajjieda.

Aktar qabel tkellem dwar il-pandemija hekk kif sentejn ilu feġġ l-ewwel każ tal-Covid. Dr Abela qal li kien perjodu diffiċli għall-pajjiż u għad-dinja kollha.

Tkellem ukoll dwar il-fatt li bdew iqumu affarijiet oħra fejn kellhom jittieħdu numru ta’ deċiżjonijiet iżda fuq kollox kien hemm prinċipju konsistenti li bħala Gvern dejjem imxew fuqu – dak li jipproteġu lin-nies. Qal li dan jibqa’ prinċipju daqstant importanti hekk kif madwar id-dinja feġġet realtà ġdida bit-tensjonijiet bejn l-Ukranja u r-Russja. F’dan ir-rigward, tkellem fuq l-aspett ekonomiku iżda assigura li l-Gvern se jibqa’ jipproteġi lin-nies u li l-piż se jkun qed iġorru hu.

Dr Abela ġie mistoqsi wkoll dwar il-lista l-griża. F’dan ir-rigward huwa nnota kif ironikament min jgħid li ma jmissnix spiċċajna fil-lista l-griża, fejn hawnhekk irrefera għall-Oppożizzjoni, kienu  l-istess nies li qabel l-2013 kienu jemmnu illi l-lista l-griża hija theddida li ma tiġri qatt. 

Semma l-punt tat-tluq mir-rapport tal-Moneyval li kellu 58 defiċjenza u dawn ġew indirizzati  tant li l-Moneyval tat lil pajjiżna rapport ta’ suċċess. Tkellem ukoll dwar il-pjan ta’ azzjoni u qal li l-istqarrija għall-istampa uriet li wettaqna dak il-pjan u li l-pjan li jmiss huwa li l-FATF jiġu f’pajjiżna u jikkonfermaw li dak li kellu jsir sar. 

Qal li l-proċess li wettqu f’dawn l-aħħar xhur mhux wieħed li għandu jintemm meta nitneħħew mill-grey list għax bih urejna li kapaċi nibnu strutturi aktar robusti u bis-saħħa tagħhom noħolqu ġurisdizzjoni serja. 

Tkellem ukoll dwar il-burokrazija żejda u l-oġġettiv bħala gvern huwa ċar li jridu lin-negozji leġittimi jitħallew jaħdmu mingħajr xkiel. Semma kif qatt daqs dawn l-aħħar sentejn ma fehmu kemm huma importanti n-negozji f’pajjiżna. 

“L-istituzzjonijiet tagħna, il-ġlieda tagħhom ma tridx tkun kontra negozji leġittimi. Trid tkun fejn hemm il-kriminalità. Dak huwa messaġġ ċar tal-Gvern u li neċessarjament irid jittieħed,” qal Dr Abela.

Tkellem dwar waħda mill-proposti li se jkunu qed jimplimentaw jekk il-poplu jagħtihom fiduċja – dik li jagħmlu liġi biex in-negozji u s-self employed ikollhom dritt li jiftħu l-kont bankarju tagħhom li bih ikunu jistgħu jħallsu s-salarji u jagħmlu pagamenti internazzjonali fiż-żona Ewro. Dr Abela tkellem ukoll il-fatt li mhux aċċettabbli li business loan idum xhur biex ikun proċessat. Hawnhekk huwa aċċenna għall-proposta oħra li qed jagħmlu li hija dik li jistabbilixxu credit review office.

Tkellem ukoll dwar li prijorità tagħhom huma dawk il-proġetti proposti ta’ €700 miljun fuq medda ta’ seba’ snin u qal li l-fatt nedew dawn il-proposti fl-ewwel sigħat tal-kampanja elettorali, juri kemm din hija prijorità ġdida imma waħda ewlenija. “Aħna ma nagħmlux proposti fuq il-qasam ambjentali kif tagħmel l-Oppożizzjoni. Aħna jekk ngħidu se nagħmlu proġett ambjentali, dak se jsir, huwa costed u se jsir b’mod permanenti. Sfortunatament waħda mill-proposti li semmiet l-Oppożizzjoni tgħid li art tinxteħet fl-ODŻ u fil-leġiżlatura oħra tiġi żviluppata.”

Ekonomija

Sport