Monday, May 13, 2024

Il-PM isostni li f’kull mument il-gvern ried ġustizzja u li toħroġ il-verità

Il-PM isostni li l-ħidma biex titjieb il-ħajja tan-nies se tkompli

Aqra wkoll

Qabel iħalli triqtu lejn Ruma għal diskussjonijiet importanti dwar temi importanti bħalma huma l-immigrazzjoni, il-Prim Ministru  Robert Abela f’intervista fuq One Radio għal darba oħra sostna li l-prijorità tibqa’ li l-ġustizzja verament issir.

“L-azzjonijiet tagħna juru li rridu l-ġustizzja u l-verità kollha. Forsi llum kulħadd fehem iktar l-importanza tal-inkjesta maġisterjali li sħaqna fuqha. Ftit sigħat kienet ilha lesta u kien hemm ħames persuni arrestati d-depot. U dik hi parti kbira mill-ġustizzja, li min allegatament wassal għal dak il-mewt iwieġeb quddiem il-qrati”, sostna Dr Abela.

Il-Prim Ministru qal li filwaqt li jibqa’ tal-opinjoni li l-inkjesta Maġisterjali kellha tingħalaq qabel, il-kunsiderazzjonijiet ewlenin jibqgħu li ssir ġustizzja u li dawk responsabbli jitressqu biex ikunu jistgħu jħallsu ta’ għemilhom. Spjega wkoll li bit-tmiem tal-inkjesta Maġisterjali, se jkun qiegħed jiġi evitat il-kunflitt kunvinġenti fejn ikollok inkjesta li tirfes fuq l-oħra – realtà li xejn ma kienet isservi ta’ ġid fil-każ ta’ JeanPaul Sofia u lill-għeżież tiegħu li qed jistennew ġustizzja. 

Filwaqt li ta spjegazzjoni tal-metodu ta’ kif ħadmet l-Oppożizzjoni f’dan il-każ, il-Prim Ministru qal li jinsab verament iddispjaċut għall-mod ta’ kif trattaw il-każ. Semma wkoll il-logħba politika, partiġjana u maħmuġa tal-Oppożizzjoni li użaw dan il-każ biex jirkbu fuq l-emozzjoni imbagħad meta ndunaw li l-Gvern ħa pożizzjoni iebsa, bħal xejn ma ridux li ma ssirx ġustizzja u jaqbżu għall-establishment. 

“Min hu serju jaħdem fil-kostruzzjoni u min mhux jagħmel xi ħaġa oħra”

Il-Prim Ministru kien ċar fejn jidħol is-settur tal-kostruzzjoni u qal li dan il-gvern se jibqa’ jaħdem biex ikollna livelli ogħla u standards aqwa. Fakkar li fl-aħħar snin nħolqot l-awtorità għall-bini u l-kostruzzjoni. Inħolqot għodda li ma kinitx teżisti iżda sostna li din trid tkompli tissaħħaħ. Il-Prim Ministru qal li dan kollu qed isir biex kull ċittadin iħoss li x-xogħol li qed isir isir b’rispett lejh u biex kemm jista’ jkun nipprevjenu milli jkollna inċidenti għax irridu nkunu realistiċi li diffiċli teliminahom għalkollox. Sostna li l-iskop wara l-liċenzjar tal-kuntratturi huwa li min hu serju jaħdem u min mhux jagħmel xi ħaġa oħra għax ma nistgħux nirriskjaw ħajjet in-nies minħabba nuqqasijiet ta’ individwi.

“Tista’ ssejħilha dixxiplina, tista’ ssejħilha rispett. Rispett li wieħed jara u jifhem li b’dak li jagħmel mhux jipperikola lil ħaddieħor. Li int tista’ tgawdi dak li hu tiegħek, mingħajr ma tkun ta’ xkiel għal ħaddieħor. Li biex int taqla l-għajxien tiegħek ma tirfisx fuq id-drittijiet ta’ ħaddieħor”, kompla biex jgħid Dr Abela filwaqt li sostna li l-ġirien ta’ min ikun qiegħed jaħdem irid ikollu s-serħan il-moħħ waqt li qiegħed fir-residenza li jkun investa fiha.

Impenn biex tiġi indirizzata l-problema tat-traffiku

Bħalma tkellem fuq il-kostruzzjoni, il-Prim Ministru semma wkoll sfidi oħrajn fosthom l-isfida tat-traffiku u li l-Gvern qed jieħu bis-serjetà u li qed jaħdem biex isaħħaħ trasport alternattiv bil-baħar, li jikkumplimenta miżuri bħat-trasport pubbliku b’xejn. Ħidma wkoll b’aktar infurzar u management fit-toroq tagħna.

Aktar investiment f’sorsi alternattivi tal-enerġija

Dwar l-isfida tal-elettriku partikolarment fl-aħħar jiem, Robert Abela qal li din is-“sitwazzjoni inkwetatna u qed tinkwetana ħafna. Issa kulħadd jaf x’għaddej bħalissa madwar l-Ewropa, bit-temperaturi estremi, imma n-nies għandhom raġun.  Jekk investew fid-dar biex ikunu komdi, dak l-investiment iridu jgawduh u nifhem.”

Dwar id-domanda pajjiżna għandux biżżejjed provvista, il-Prim Ministru qal kif fl-aħħar jiem ilħaqna domanda ta’ 628MW u l-pajjiż, għax investa għandu għal madwar 800MW u se nkompu ninvestu aktar bis-saħħa f’sorsi alternattivi bħall-enerġija mir-riħ.

“Mela hemm il-pajjiż f’dan il-mument qed b’saħħtu. Li qed jiġri hu li fid-distribuzzjoni, partikolarment f’cables taħt l-art, qed ikun hemm dawn il-ħsarat. Issa l-oppożizzjoni tipprova tirredikola l-inġiniera tal-enemalta u tgħid li ma jistax ikun li għandha x’taqsam is-sħana għax taħt l-art. Tixgħel ir-RAI u tara l-inġiniera u l-ħaddiema fl-Italja jiffaċjaw l-istess sfida. Ilbieraħ l-immedjat allura qed naħdmu biex insolvu din il-kwistjoni. Bħalissa l-prijorita dik. Imbagħad rridu nimplimentaw wkoll skema ta’ kumpens, li ma ssolvix id-dwejjaq li jkun għadda minnu l-konsumatur, iżda li huwa l-inqas li wieħed jista’ jagħmel,” kompla l-Prim Ministru.

Kwalità fuq kwantità 

Robert Abela saħaq li l-istrateġija ta’ kwalità hija l-istrateġija li ħadem u qed jaħdem biha l-Gvern. Semma kif eżatt qabel aġġorna l-Parlament, bdiet diskussjoni għal emenda f’39 biex jinħolqu żoni ekonomiċi esklussivi. Eżempju ieħor hu dak li sar mal-ST Micro Electronics fejn pajjiżna daħal fi proġett ta’ interess Ewoprej biex fis-settur tal-microchips ġibna lejn Malta investiment ta’ kwalita’.

“Fuq kollox irridu ngħamlu dak li sal-lum m’għamilnix. Inwettqu ideat u proġetti ġodda…Din hi l-viżjoni tagħna. Li nidderiġu l-investimenti, kemm pubbliċi u anke tas-settur privat, lejn dawn l-oqsma. Oqsma bħar rinovabbli u li se jgħinuna nagħmlu t-tranżizzjoni ekonomika lejn waħda aktar ħadra,” qal il-Prim Ministru.

Minn sfidi għal opportunitajiet

“Dħalt immexxi fl-isfidi, u f’dawn it-tliet snin x’ma nqalax. U għadna fi żminijiet ta’ sfidi.  Imma tafuni biżżejjed, iktar ma tkun diffiċli l-isfida iktar naħdmu u nidħlu għall-isfidi. Kull darba ħriġna iktar b’saħħitna u hekk se nagħmlu fi żmien li ġej.”

Robert Abela qal ukoll kif pajjiżna hu pajjiż li ma qata’ qalbu qatt u mhux se jaqtgħu issa.

“Aħna l-partit li tejjibna l-ħajja tan-nies. Ftakru ftit x’kienu l-aħħar snin tan-nazzjonalisti u tindunaw id-differenza. Iżda, mhux fuq dak se nistriħu. Bħal mhux se nistrieħu fuq dak li ksibna aħna… Hemm ħafna xogħol xi jsir u se nkomplu nagħmluh”, tenna jgħid il-Prim Ministru.

Sport