Sunday, November 24, 2024

Il-PM jħabbar li aktar tfal midruba f’Gaża se jiġu Malta għall-kura

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Ilqajna fi xtutna liċ-ċkejkna Saleh biex tieħu l-kura medika. Fil-jiem li ġejjin se nospitaw aktar tfal biex nagħtuhom l-aqwa kura possibbli anke minħabba korrimenti gravi li għaddew minnhom.” Qal dan il-Prim Ministru Robert Abela f’kummenti li ta lill-ġurnalisti qabel is-Summit speċjali tal-Kunsill Ewropew fi Brussell fejn irrefera b’mod partikolari għall-kwistjoni fil-Lvant Nofsani.

Huwa stqarr li l-messaġġ li se jkun qiegħed iwassal f’isem pajjiżna fejn tidħol din il-kwistjoni huwa wieħed ta’ kundanna għall-attakk li l-Iran għamel fuq l-Iżrael filwaqt li huwa ttamat li ma jkunx hemm eskalazzjoni min-naħa tal-Iżrael. Qal ukoll li Malta se terġa’ tgħaddi l-messaġġ favur il-waqfien mill-ġlied u b’mod permanenti f’Gaża.

Il-Prim Ministru semma kif ftit tal-jiem ilu laqa’ f’Kastilja lill-familjari tal-vittmi jew tal-ostaġġi tal-Ħamas li nqabdu fis-7 ta’ Ottubru. “Familjari Iżraeliti… kienet xena ta’ qsim il-qalb. Ma jafux jekk il-qrabat tagħhom humiex ħajjin jew mejtin. Talbuni nwassal messaġġ fil-Kunsill Ewropew li beħsiebni nwasslu b’mod ċar,” tenna Dr Abela.

Kompla jgħid li quddiemna għandna “sitwazzjoni umanitarja traġika” u għaldaqstant minn dan il-Kunsill Ewropew għandu jintbagħat messaġġ b’saħħtu ta’ waqfien mill-ġlied u ta’ twaqqif tal-atroċitajiet li qed iseħħu. “Kruċjali wkoll li nibqgħu nimbuttaw ‘il quddiem dan il-messaġġ tal-paċi.”

“Minn dan il-Kunsill Ewropew nemmen li għandhom joħorġu konklużjonijiet b’saħħithom li jibagħtu messaġġ ċar. Kburi li pajjiżna se jkun qed jibgħat dan il-messaġġ li huwa wieħed b’saħħtu,” temm jgħid il-Prim Ministru.

Fuq l-aġenda tad-diskussjonijiet matul tal-lum kien hemm ukoll l-Ukrajna u r-relazzjonijiet mat-Turkija mentri li għada se jkunu qed jiġu trattati l-ekonomija u l-kompetittività.

Sport