Il-PM jilqa’ b’sodisfazzjon ftehim bejn il-mexxejja Ewropej li se jistabbilixxi  rappreżentazzjoni tal-UE f’taħdidiet dwar il-paċi fl-Ukrajna

Aqra wkoll

“Aħna ilna nimbottaw f’din id-direzzjoni b’mod konsistenti lejn soluzzjoni favur il-paċi mill-bidu ta’ dan il-kunflitt. Illum, fl-intervent tiegħi fi ħdan il-Kunsill Ewropew ilqajt b’sodisfazzjon kbir il-fatt li kellna din il-konverġenza li nimxu fid-direzzjoni lejn il-paċi.”

Hekk qal il-Prim Ministru Robert Abela fi tmiem Summit Informali tal-mexxejja Ewropej f’Dublin, l-Irlanda. Huwa kien qed jirreaġixxi għal qbil li permezz tiegħu l-E5 – jiġifieri l-Ġermanja, Franza, ir-Renju Unit, l-Italja u l-Polonja flimkien mal-Istituzzjonijiet Ewropej – se jirrappreżentaw lill-UE f’diskussjonijiet futuri dwar il-paċi bejn ir-Russja u l-Ukrajna.

Il-Prim Ministru stqarr li “din l-aħbar tassew hija xaqq ta’ tama għall-paċi. Għalija hija aħbar sabiħa immens. Filwaqt li, naturalment, għadu kmieni wisq biex wieħed ikun ottimist dwar x’se jkun l-eżitu ta’ dawn in-negozjati, il-fatt li lħaqna dan il-qbil politiku bejnietna jawgura tajjeb ħafna.”

Irrimarka li għad fadal stadji importanti biex jiġi determinat il-mandat tal-persuni u pajjiżi li se jkunu qed jirrappreżentaw lill-Ewropej.  “L-għan finali tibqa’ l-konverġenza dwar din it-tema,” kompla jgħid Dr Abela, li fil-kummenti tiegħu fakkar li fi kważi ħames snin minn kemm ilu li beda l-kunflitt, ma kien hemm ebda progress reali lejn il-paċi.

It-tema ewlenija ta’ din il-laqgħa informali kienet l-Intelliġenza Artifiċjali li hija kruċjali għall-kompetittività u r-reżiljenza tal-UE. Il-mexxejja ddiskutew l-isfidi kif ukoll l-opportunitajiet marbutin mal-iżviluppi mgħaġġla ma’ esperti fis-settur, inkluż Arthur Mensch, Kap Eżekuttiv tal-kumpanija Mistral AI, u kif ukoll il-Professur Geoffrey Hinton, li rebaħ il-premju Nobel fil-fiżika fl-2024.

“Mudelli b’saħħithom ta’ AI waħedhom ma jistgħux jirrealizzaw il-valur sħiħ tagħhom mingħajr il-ħiliet, il-kunfidenza u l-appoġġ tan-nies,” qal Dr Abela.

Il-Prim Ministru spjega kif Malta kienet minn ta’ quddiem li bdiet titkellem u taġixxi fuq dan il-qasam meta fl-2019 ġiet imnedija strateġija marbuta mal-AI, bl-għan li tissaħħaħ l-innovazzjoni u t-tkabbir ekonomiku fid-dawl ta’ din ir-realtà. Huwa qal li l-istrateġija twassal sas-sena 2030 u diġà rriżultat fi progress sinjifikanti, iżda il-bidliet teknoloġiċi, regolatorji u soċjali jfissru li din il-viżjoni issa trid tkun imġedda wkoll.

Dr Abela għamel ukoll referenza għall-għanijiet ta’ dawn il-bidliet. Huwa qal li dawn huma tnejn: Poplu informat u qafas regolatorju b’saħħtu.

“Permezz tal-AI għal Kulħadd, sa issa, 50,000 persuna diġà lestew programm marbut ma’ din ir-realtà. L-isfida vera m’hijiex li nipproteġu l-impjiegi tal-bieraħ mit-teknoloġija ta’ għada, iżda li niżguraw li l-opportunitajiet ta’ għada jkunu aċċessibbli għal kulħadd,” temm jgħid il-Prim Ministru.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport