“Wara li ngħatat id-deċiżjoni mill-Qorti tal-Appell dwar Ħondoq ir-Rummien, tajt direzzjoni u nkarigajt sabiex issir l-analiżi meħtieġa biex bidliet li huma marbutin mal-ippjanar, dak li nemmnu fih – li żvilupp f’Ħondoq ma jsir qatt – nissiġillawh u nagħtu serħan il-moħħ fit-tul. Mhux inħallu inċertezza dwar x’jista’ jiġri imma li niżguraw li Ħondoq mhux għall-iżvilupp u għalhekk irridu nħarsu lejn soluzzjoni fit-tul.”
Sostna dan il-Prim Ministru Robert Abela f’intervista fuq One Radio fejn tkellem dwar is-sentenza tal-Qorti tal-Appell li kkonfermat id-deċiżjoni tat-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar li Ħondoq ir-Rummien jibqa’ bla mittiefes u ma jsir l-ebda żvilupp fih. B’din id-deċiżjoni ngħalaq il-kapitlu b’rabta ma’ din il-kwistjoni li kienet ilha għaddejja madwar 22 sena.
Il-Prim Ministru semma kif il-pożizzjoni tal-Partit Laburista u r-rappreżentanti tiegħu dejjem kien konsistenti f’dan ir-rigward, li f’Ħondoq ma jsirx żvilupp. Saħaq ukoll li tul is-snin “dejjem ħdimna kontra min kien qiegħed jittanta jagħmel żvilupp ġewwa Ħondoq.”
“Kuntrarju għall-Partit Nazzjonalista, li lanqas fuq Ħondoq ma jista’ jkun kredibbli. Mhux għax kien assenti, iżda għax kien hu li ħa d-deċiżjonijiet li ma jħarsux il-Ħondoq. B’kuntrast ir-rappreżentanti tal-Partit Laburista tul is-snin, deputati għawdxin, sindki, Pawlu Buttigieg, kienu lkoll fuq quddiem nett ta’ din il-ġlieda u rrid nirringrazzjahom minn hawn kollha kemm huma,” qal il-Prim Ministru.
Huwa kompla billi qal ukoll li d-diskussjoni trid tkun fuq li tingħata ċertezza. “Dan hekk kif huwa naturali li din id-deċiżjoni tiftaħ stadju ġdid,” qal il-Prim Ministru li staqsa x’jiġri jekk fil-futur, l-ispekulatur idaħħal xi applikazzjoni ġdida għall-iżvilupp. Saħaq li għalhekk qed iħarsu lejn soluzzjoni fit-tul biex ikun assigurat li Ħondoq ma jiġix żviluppat.
Il-Prim Ministru emfasizza kif Għawdex jeħtieġ li nibqgħu nippromwovuh, nappoġġjawh u fuq kollox jittieħdu inizjattivi li jieħdu ħsieb dak li jagħmel lil Għawdex daqstant sabiħ.