Friday, October 25, 2024

Il-PM jisħaq dwar raġunijiet għalfejn it-8 ta’ Ġunju se jkun jum ta’ deċiżjoni importanti

... jara li l-għażla hija bejn politika progressiva ekonomika jew awsterità

Aqra wkoll

It-8 ta’ Ġunju huwa jum ta’ deċiżjoni importanti għal żewġ raġunijiet. L-ewwel raġuni hija l-importanza li f’pajjiżna jkollna rappreżentanza li tiddefendi l-interessi ta’ Malta u t-tieni raġuni hija dwar għażla fuq livell lokali bejn Gvern li jħaddan politika progressiva ekonomika li tinvesti fin-nies jew tagħti arja lill-Oppożizzjoni li tibqa’ tħaddan l-awsterità. Dan kien messaġġ ewlieni tal-Prim Ministru Robert Abela f’intervista ta’ Andrew Azzopardi fuq bosta temi.

Fuq 103FM u Newsbook, f’intervista li xxandret is-Sibt filgħodu, il-Prim Ministru spjega kif kull elezzjoni tibda xejn b’xejn u rridu nħarsu li l-interess nazzjonali jiġi l-ewwel u qabel kollox. Saħaq kif vuċijiet fil-Partit Laburista jilqahom mhux kif jagħmel ħaddieħor u jsejħilhom tumur. Dr Abela kien mistoqsi dwar il-qagħda fiskali ta’ pajjiżna u nnota kif anki fil-kuntest tal-għajnuna kbira li ta Gvern Laburista lin-nies f’pandemija u waqt gwerer li faqqgħu fuq l-għatba tal-Ewropa u fil-Mediterran, id-dejn huwa ferm iżjed baxx minn dak li kien fi żmien GonziPN fi żmien ta’ kriżi ferm iżgħar. Fil-fatt id-dejn illum imqabbel mal-Prodott Domestiku Gross huwa ta’ 55% u fi żmien l-aħħar amministrazzjoni Nazzjonalista dan kien jiżboq is-70%.

Dr Abela kien mistoqsi wkoll dwar ir-riforma tad-droga u hawn kompla jesponi l-qerq tal-Kap tal-Oppożizzjoni li għal skopijiet partiġġjani qed jipprova jbellaha li l-pajjiż se jilleġitimizza affarijiet li mhumiex il-każ. “Fejn il-Qorti għandha konvinzjoni li l-akkużat huwa vittma tad-droga u fejn ikun għadda żmien twil u irrijabilita ruħu, jekk il-Qorti jkollha l-fakultà li tqisu quddiem Qorti tad-Droga, il-Qorti jkollha l-għodda”, spjega l-Prim Ministru li nnota kif stakeholders bħall-Caritas, is-Sedqa u l-Kamra tal-Avukati qed jgħidu li hemm ħtieġa ta’ riforma. Il-Prim Ministru ddikjara wkoll li hu jaqbel li l-piena massima ta’ għomor il-ħabs għal traffikant tad-droga għandha tibqa’ kif fil-fatt hu l-każ.

Dwar aktar riformi fil-Qrati, il-Prim Ministru Robert Abela tkellem dwar aktar riżorsi lill-Qrati fosthom bil-ħatra ta’ erba’ Maġistrati oħra assenjati fuq inkjesti u semma kif ir-riforma fil-kumpilazzjoni għaddejja wkoll. Dwar l-inkjesti, fl-intervista ssemmiet dik dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet immexxija mill-Maġistrat Gabriella Vella. Il-Prim Ministru staqsa jekk hemmx min jitħasseb li membri prominenti fl-Oppożizzjoni u li suppost jemmnu fis-saltna tad-dritt, jgħidu li se jsiru ċertu tfittxijiet minn qabel dawn iseħħu u fil-fatt dawn iseħħu. “Ma tħossokx inkwetat li qraba intimi tal-Maġistrat jikkummentaw dwar dan il-mertu”, saħaq il-Prim Ministru hu u jinnota wkoll id-dewmien ta’ erba’ snin u tliet xhur li ilha għaddejja din l-inkjesta li għandha ħafna riżorsi. Dwar rapporti fuq Joseph Muscat u l-elezzjonijiet Ewropej, il-Prim Ministru wieġeb ukoll u qal, “Pero nagħmel din id-domanda lilek, jekk ir-risposta tkun iva għaliex għandi ngħidlu le jien?”.

Il-Prim Ministru Robert Abela kien mistoqsi dwar prinċipju ewlieni li jħaddan il-Gvern dwar kontroll assolut f’idejn l-awtoritajiet dwar il-ħaddiema barranin u l-importanza li dawn jiġu biex jaħdmu f’oqsma meħtieġa fosthom fil-kura ta’ persuni vulnerabbli. Innota l-importanza tar-rispett lejn id-dinjità u kif il-Gvern wettaq riformi importanti bħal dik tat-temping agencies. Dwar riforma oħra fil-midja, il-Prim Ministru spjega li hemm Abbozzi b’saħħithom ferm quddiem il-Parlament Malti li jsaħħu l-protezzjoni tal-ġurnalisti u l-Gvern aċċetta t-talba għal konsultazzjoni ulterjuri. Dr Abela qal li hu jixtieq li pajjiżna jkun l-ewwel pajjiż fl-Ewropa li jdaħħal liġi Anti-Slapp u mhux idaħħal direttiva Ewropea li hi inqas ambizzjuża minn dik li ried jagħmel il-Gvern.

Il-preżentatur staqsa wkoll dwar il-ħabs u l-eks direttur tiegħu, il-Kurunell Alex Dalli. Dr Abela nnota kif Alex Dalli għamel xogħol importanti li bih qata’ d-droga fil-ħabs u t-tmexxija preżenti wkoll qed tagħmel xogħol tajjeb ħafna. “Kollha se niksru d-drittijiet tal-bniedem”, qal Andrew Azzopardi waqt id-diskussjoni fuq din it-tema bil-Prim Ministru jisħaq li kellna l-eks Prim Ministru Eddie Fenech Adami li nstab ħati li kiser id-drittijiet fundamentali. Dr Abela fakkar ukoll ir-realtajiet fil-ħabs qabel fosthom rewwixti. 

F’intervista ta’ 50 minuta, saret referenza għal dikjarazzjonijiet dwar Justyne Caruana u Rosianne Cutajar, bil-Prim Ministru jinnota kif Cutajar talbet li terġa’ lura bħala membru tal-Grupp Parlamentari Laburista. Dwar Caruana, il-Prim Ministru nnota kif kien hemm min ivvendika ruħu minnha. Il-Prim Ministru kien mistoqsi wkoll dwar it-tema marbuta mal-ħatra ta’ President tar-Repubblika ġdid. Huwa appella biex ikun hemm konverġenza ma’ Oppożizzjoni li għandha tirrispetta mandat mill-poplu fl-aħħar elezzjoni ġenerali u li jintlaħaq qbil f’persuna idonea li għandha tokkupa l-kariga ta’ Kap tal-Istat Malti.

Sport