Saturday, December 21, 2024

Il-PM Rishi Sunak jipproponi li jgħolli l-età minima għat-tipjip

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Rishi Sunak, qal li jrid jgħolli l-età minima għat-tipjip b’sena kull sena. Huwa ressaq din il-proposta lill-konferenza tal-Partit Konservattiv li qed tiltaqa’ f’Manchester fejn sostna li huwa possibbli li l-ġenerazzjoni tista’ tikber mingħajr id-duħħan tat-tipjip.

Filwaqt li qal ukoll li mhux se jġiegħel lill-Membri Parlamentari Konservattivi jivvutaw favur il-bidliet li huwa jrid fil-liġijiet tat-tipjip, sostna li l-vot dwar dan fil-Parlament se jkun vot ħieles.

B’dak li qed jipproponi Rishi Sunak, l-età li fiha n-nies jistgħu jixtru s-sigaretti u t-tabakk fl-Ingilterra għandha tiżdied b’sena kull sena biex eventwalment ħadd ma jkun jista’ jixtrihom aktar.

Skont il-pjan, l-età tal-bejgħ titla’ minn 18-il sena kull sena biex tifel ta’ 14-il sena llum qatt ma jitħalla jixtri t-tabakk. L-idea tressqet wara reviżjoni kkummissjonata mill-Gvern fl-2022.

Fil-konferenza tal-Partit Konservattiv, Sunak qal li jemmen li kien il-pass it-tajjeb biex tiġi indirizzata l-kawża ewlenija ta’ mard li jista’ jiġi evitat. It-tipjip iżid ir-riskju ta’ puplesiji, mard tal-qalb, id-dimensja, kif ukoll jikkawża wieħed minn kull erba’ mwiet mill-kanċer.

Għalkemm ir-rati tat-tipjip ilhom jonqsu mis-snin 70, fl-Ingilterra għad hemm aktar minn ħames miljun ruħ ipejpu u madwar sitt miljun oħra fir-Renju Unit. Bħalissa, wieħed minn kull disa’ żgħażagħ ta’ bejn it-18 u l-24 sena għandu l-vizzju tat-tipjip, skont l-Uffiċċju għall-Istatistika Nazzjonali.

Fl-Ingilterra, erbgħa minn kull ħamsa li jpejpu qabdu dan il-vizzju meta kellhom madwar 20 sena. Maż-żmien, il-maġġoranza l-kbira pruvaw jieqfu jpejpu iżda ħafna ma jirnexxilhomx għax il-vizzju tat-tipjip ikun rikibhom.

Ekonomija

Sport