Thursday, December 26, 2024

Il-PN b’u-turn fuq il-mina bejn Malta u Għawdex

Aqra wkoll

Ftit tax-xhur ilu jivvutaw favurih fil-Parlament, issa qed jerġa’ jdurilhom

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista ta’ Bernard Grech, ħarġet fil-beraħ l-inkonsistenzi dwar il-proġett tal-mina bejn Malta u Għawdex.

Huwa ċar li filli l-Oppożizzjoni kienet favur, filli f’daqqa waħda saret kontra dan il-proġett. Dan huwa u-turn ieħor mill-kbar nett mill-Partit Nazzjonalista.

Dan il-proġett li għal ħafna kien kważi sar ċajta nazzjonali wara li għal numru ta’ snin il-Partit Nazzjonalista kien iwiegħed li se jagħmel xi ħaġa dwar il-konnettività bejn iż-żewġ gżejjer, iżda qatt ma sar xejn, illum il-ġurnata qiegħed fi stadju avvanżat f’dak li huma studji.

Fil-fatt fil-baġit li kien ippreżentat ftit tal-jiem ilu mill-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna dwar dan il-proġett qal, “Fuq il-mina, tlesta l-proċess tal-pre-qualification questionnaire (PQQ), li huwa l-ewwel stadju minn proċess ta’ tlieta, li għandu jwassal biex jekk il-proġett ikun feasible, jintgħażel il-konċessjonarju li jkun se jiddisinja, jibni, jiffinanzja, jopera u jieħu ħsieb il-mina”.

Dan se jkun l-ikbar proġett infrastrutturali li qatt se jkun għamel pajjiżna u huwa ċar ħafna li hemm l-impenn tal-Gvern li dan irid jitwassal bis-saħħa sabiex fl-aħħar mill-aħħar igawdu l-Għawdxin li jagħmlu tant sagrifiċċju biex jaqsmu speċjalment dawk li jaħdmu Malta.

Min-naħa l-oħra iżda dikjarazzjonijiet tal-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech u l-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għal Għawdex Chris Said, li kien promutur ewlieni sabiex Grech jilħaq Kap tal-Partit Nazzjonalista, u persuna meqjusa viċin ħafna l-Kap Nazzjonalista li qed juru li l-Partit Nazzjonalista issa sar kontra dan il-proġett meta ftit tax-xhur ilu fil-Parlament ivvutaw li jsir.

Dan kollu rrimarkah anke l-Prim Ministru Robert Abela meta nhar it-Tlieta kien qed jagħmel ir-replika għad-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni ġurnata qabel.

Il-Prim Ministru tenna l-impenn ta’ dan il-Gvern li jtejjeb il-l-konnettività bejn iż-żewġ ġżejjer anke għax fi kliemu stess, “mingħajr link permanenti eluf ta’ Għawdxin jibqgħu mingħajr l-istess opportunitajiet ta’ zgħazagħ Maltin”, iżda semma wkoll kif huwa ma jistax jaqbad irkaptu tal-pożizzjoni tal-Oppożizzjoni fuq dan il-proġett.

“Ftit tax-xhur ilu kienu vvutaw favur li jsir, fil-Parlament. Fil-pre-budget document ta’ ftit jiem ilu qalilna li jriduh – qalu hekk: “The continuation of the permanent link project between the two islands”, ilbieraħ (għal waqt id-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni) tipprova tifhem x’pożizzjoni għandu – sieq ‘l hawn u sieq ‘l hemm – iddeċieda li ma jiehux pożizzjoni issa, jekk mhux saħansitra backtracking jekk qed nifhem sew!”, stqarr Dr Abela fil-Parlament.

Mistoqsi minn L-Orizzont għal reazzjoni dwar dan il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li huwa ma jistax jifhem kif filli l-Oppożizzjoni vvutat favur u filli issa qed tmur lura minn dan.

Camilleri fakkar kif ħafna Għawdxin li jaħdmu Malta jkollhom iqumu kmieni ħafna biex jaqsmu lejn il-postijiet tax-xogħol tagħhom u jidħlu lura tard ħafna. “Fix-xitwa li issa riesqa b’pass mgħaġġel, dejjem bil-biża’ li lanqas tidħol lura d-dar jekk ikun il-maltemp,” stqarr il-Ministru għal Għawdex.

Il-Perit Camilleri kompla jgħid li kawża ta’ konessjoni permanenti, Għawdex qed jitlef ħafna żgħażagħ imħarrġa li qed jagħżlu li jinżlu Malta u jistabbilixxu lilhom infushom hemm, dan minkejja l-investiment qawwi li qed isir fil-gżira Għawdxija sabiex ikun hemm xogħol ta’ kwalità f’Għawdex għal Għawdxin.

Id-differenza hija sempliċi bejn Gvern li jiddeċiedi u Oppożizzjoni li tiddiċiedi li ma tiddeċidiex sakemm ma tmurx lura wkoll, temm jgħid Clint Camilleri.

Ekonomija

Sport