Saturday, May 4, 2024

Kardinal Malti

Aqra wkoll

Għal tal-apposta qed ngħid “Malti” għax allavolja ir-reverendu Mario Grech hu minn Għawdex, il-profil tiegħu dejjem kien jgħodd għall-pajjiż kollu kemm hu. Ħadt gost ħafna nisma’ bil-ħatra ġdida tiegħu.

Waqt li ngħid hekk, irrid niċċara. L-ewwel, li m’inix reliġjuż u allura mhux affarijja li nikkummenta fuq ġrajjiet tal-Knisja Kattolika. It-tieni, li fil-privat… ċertament mhux fil-publiku, la m’inix marbut mal-Knisja… ikkritikajt lill-Isqof Grech, għall-pożizzjonijiet kontrastanti li wera, qabel daħal id-divorzju u waqt ir-referendum li saru dwaru… u wara, minn dak iż-żmien, speċjalment minn meta nbidel il-Papa ta’ Ruma.

Biss fuq front ewlieni, dejjem bqajt napprezzah. Matul is-snin, Grech baqa’ konsistenti dwar it-tema soċjali – favur id-drittijiet ta’ min jinsab minn taħt soċjalment u tan-nies tax-xogħol. Imbagħad ukoll għandu mod effettiv kif jikkomunika bil-Malti – ħila li tkun ta’ min tkun, dejjem nammira. Lil hinn minn hekk, l-imġiba kordjali u sempliċi tiegħu bilfors tiġbidlu simpatija.

Nixtieqlu kull ġid u suċċess fil-“karriera” ġdida tiegħu.

***

NEWTRALITÀ

Il-kontroversja ta’ dan l-aħħar dwar is-SOFA, il-ftehim li jiġi propost lil kull pajjiż fejn suldati Amerikani se jservu fuq xi missjoni – ftehim li jagħti lil dawn it-truppi ħelsien mil-liġijiet tal-pajjiż fejn qed iservu – kellha t-tajjeb tagħha. Tajjeb mhux mistenni.

Fost dawk ta’ kontra l-proposta li jsir xi ftehim, qamu ilħna mil-lemin. Mhux kollha għamluha għar-raġuni opportunistika li sabu fiha frosta oħra biex biha jsawtu lill-gvern.

Dehruli li kienu ilħna sinċiera li l-ftehim ma għoġobhomx għar-raġuni… li kien jikkontradixxi n-newtralità tal-pajjiż. Fost dawn l-ilħna mil-lemin, kien hemm iż-żgħażagħ.

Jidher fl-aħħar li l-impenn għan-newtralità ta Malta mis-saffi kollha tal-poplu llum qabad l-art sew.

***

LI TKUN FIŻ-ŻGĦOŻIJA

Bilfors wieħed jifhem id-dwejjaq ta’ min hu żagħżugħ għar-restrizzjonijiet li tpoġġew fuq il-ħajja bil-miżuri ta’ kawtela li ddaħħlu kontra l-pandemija tal-corona virus. Iż-żogħżija hi l-aħjar żmien fil-ħajja biex matulha wieħed jimraħ f’ambjenti u pajjiżi differenti, jagħmel u jitlef ħbieb ġodda, jesperimenta b’li taf tagħti l-ħajja għall-kbar u għaż-żgħar, jgawdi l-modi u jġarrab il-preġudizzji taż-żminijiet li jkun qed jgħix fihom, jitgħallem minn “għedewwa” u ħbieb.

Il-pern ta’ kollox hu li tiltaqa’ man-nies.

Fuq dan kollu, l-imxija tal-corona virus tpoġġi lġiem enormi. Fil-bidu ntqal li dan kellu jsir għall-protezzjoni tal-anzjani, għax huma jmutu l-aktar bl-imxija. Illum nafu li l-ħerba fost nies ta’ età anqas ukoll, mhijiex daqstant ċkejkna.

Jien ngħid li l-piż ta’ fuq iż-żgħażagħ hu aqwa minn ta’ fuq l-anzjani, minkejja li tal-aħħar imutu aktar malajr biha. Diffiċli tkun żagħżugħ fi żmien hekk.

Sport