Sunday, December 22, 2024

“Il-PN fil-gvern kien jibgħat l-envelopes bil-kontijiet… aħna nibqgħu l-gvern li nibagħtu ċ-ċekkijiet”

Aqra wkoll

Waqt attività politika fil-Mosta bit-tema ‘Malta Flimkien’ is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi qal: “Qed nibnu bil-fatti l-futur ta’ pajjiżna għax diġà għamilna numru ta’ kisbiet, kisbiet li se nkomplu nibnu fuqhom.”

Semma waħda mill-akbar kisbiet tal-Gvern ta’ Robert Abela hekk kif fil-bidu tal-2020 meta kienu għaddejin bin-negozjati dwar il-finanzi li jiksbu mill-UE. Qal li għall-kuntrarju ta’ x’jaħseb ħaddieħor, il-Gvern irnexxielu jikseb l-akbar pakkett finanzjarjru li qatt pajjiżna kiseb mill-UE.

Qal li n-negozjati tagħhom ġabu €2,270 miljun lejn Malta biex isiru l-investimenti għall-poplu Malti u Għawdxi kollu.

Żied jgħid li ma waqfux hemmhekk u li ħadmu qatigħ biex ifaslu pjan ta’ rkupru u reżiljenza ekonomika.

“L-unika deskrizzjoni li qalilna għal dan il-pjan mingħand Bernard Grech kien li kien froga,” qal Zrinzo Azzopardi. Dan ikkuntrasta mal-President tal-UE fejn qalet li l-pjan ta’ Malta huwa fost l-aqwa pjanijiet li ġew ippreżentati. 

Qal li fuq dawn il-kisbiet, se jkomplu jaħdmu lejn aktar tkabbir ekonomiku u mhux ikabbru l-ekonomija biss imma mmorru lejn ekonomija aktar ħadra u diġitali.

“Filwaqt li aħna qed infasslu l-futur u nimxu fuq il-kisbiet li għamilna, ħaddieħor qed jara dinja differenti. Irridu nkomplu mmexxu ‘l quddiem it-tkabbir ekonomiku għaliex aħna nemmnu fil-ħolqien tal-ġid.”

“Il-PN fil-gvern kien dak li jibgħat l-envelopes bil-kontijiet, aħna konna u se nibqgħu l-gvern li nibagħtu dawn biċ-ċekkijiet,” qal Zrinzo Azzopardi.

Ekonomija

Sport