Tuesday, May 14, 2024

“Konferma li l-magna ekonomika ta’ tim Malta ma waqqafha xejn” – il-PM

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru qal li meta tkun magħqud u deċiżiv, suċċess biss tista’ tagħmel

“X’ma nkunx fiduċjuż li Malta flimkien, il-futur sabiħ. X’aħbar sabiħa u importanti kelna llum. Waslet il-konferma li s-sena li għaddiet l-ekonomija tagħna mhux talli reġgħet laħqet il-livelli ta’ qabel il-pandemija, talli qabżithom.”

Hekk qal il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela fil-bidu tal-indirizz tiegħu waqt attività politika fil-Mosta.

“Kelna 9.4 tkabbir tal-prodott domestiku gross. Dawn iċ-ċifri huma l-aqwa konferma ta’ kif il-pjan tagħna għall-futur huwa mibni fuq is-sod. Xhieda ta’ kemm dak li qed inwiegħdu nistgħu nwettquh. Inwettquh għax għandna l-kredibilità politika u ekonomika. Fuq kollox, se nwettquh għax flimkien magħkom żammejna b’saħħtu dan il-pajjiż. L-ekonomija tibqa’ l-bażi ta’ kollox. Jekk irridu nqasmu l-ġid, irridu noħolquh,” qal Dr Abela.

Innota kif fl-ewwel jiem tal-kampanja bħala Partit Laburista ħabru diversi proposti u qal li dan isiru biss realtà jekk ikollok fuq it-tmun tal-pajjiż, tmexxija ekonomika li hija soda u b’saħħitha.

Dr Abela innota wkoll l-isfida tal-pandemija. “Imbagħad meta bdejna ħerġin bdew jivvintaw li ġejja elezzjoni bikrija. Kull ftit xhur bdew jivvintaw data ġdida. L-istrateġija kostanti tal-PN kienet dejjem l-istess – iġġamja l-ekonomija ħa twaqqaf il-gvern u waqqaf il-pajjiż. Imbagħad ftakru kemm iċċelebraw meta ffaċċjajna l-isfida tal-FATF – sfida li wkoll qed naħdmu biex negħlbuha b’suċċess wara li għamilna bidliet kbar u bqajna nagħmluhom.”

“M’għadditx ġurnata waħda li ma bdewx isemmu listi b’kull kulur. Ħaġa waħda ma kinux qed jaraw – il-kuluri abjad u aħmar,” qal Dr Abela filwaqt li żied jgħid li ma kinux qed jaraw dak li kien qed jara hu. “Poplu ħabbrieki – dak li żammna għaddejin f’pandemija. Ix-xhur għaddew ukoll u minflok telqu l-kumpaniji ġew aktar. L-akbar ammont ta’ investiment barrani li qatt kelna fl-istorja ta’ pajjiżna u minflok għalaq il-gaming u s-settur tas-servizzi finanzjarji, fetħu aktar. L-akbar ammont ta’ kumpaniji u ħaddiema f’dawn is-setturi fl-istorja sħiħa ta’ pajjiżna għax meta tkun magħqud u deċiżiv, suċċess biss tista’ tagħmel,” qal il-Prim Ministru. 

Żied jgħid: “X’għamlu iżjed? Meta raw li kelna sajf tajjeb u bdejna l-preparamenti għall-budget, reġgħu bdew tal-establishment. Reġgħu bdew bid-diskors ta’ elezzjoni ġenerali. Qalu wkoll li l-budget mhux se jsir għall-ewwel u meta sar qalu li mhux se nimplimentawh. Dejjem bl-istess għan – li l-ekonomija tagħna tiġġamja u jeħel il-pajjiż. Imma reġa’ ma rnexxielhomx. Il-Kummissjoni Ewropea qaltilna kif il-familji u n-negozji Maltin u l-Għawdxin huma l-aktar ottimisti minn dawk kollha madwar  l-UE. Għalhekk ngħidilhom, tippruvaw kemm tippruvaw kollu għalxejn għaliex dan il-poplu jafda fih innifsu.”

Innota wkoll li konna fost tal-ewwel li għelibna mewġa oħra ta’ pandemija u għamluh dan b’mod kemm jista’ jkun li ħallew il-pajjiż għaddej. Qal li għalhekk illum nistgħu nitkellmu dwar kemm kiber il-valur tal-ekonomija tagħna. Żied jgħid li r-riżultati huma dawk li rajna għal 20 xahar konsekuttiv fejn pajjiżna rnexxielu jnaqqas ir-rata ta’ qgħad tant li niżel għal-livelli rekord biex illum għandna l-inqas rata ta’ qgħad fl-istorja ta’ pajjiżna. 

Tkellem ukoll dwar il-fatt li meta ġiet il-pandemija, kienu qalulhom li rridu minn tlieta u erba’ snin biex niġu lura għal kif kienet. “Ġie mument fejn qalulna li konna sejrin lura għal kif konna fis-sena 2023. Iżda meta kelna dak it-tbassir lit-tim tiegħi kont ċar – ara ma nieqfux naħdmu u ma nikkuntentawx b’dawn il-miri. Imbagħad ġiet il-Kummissjoni Ewropea u tejbulna l-miri u qalulna li f’nofs din is-sena nilħqu l-livell tal-2019. Qawwejna qalbna u għamilna l-aqwa budget fl-istorja ta’ pajjiżna biex minflok fis-sajf naslu qabel. Illum toħroġ l-istatistika uffiċjali u għandna konferma li l-magna ekonomika ta’ tim Malta ma waqqafha xejn.”

Semma kif il-ġid nazzjonali kiber b’9% filwaqt li l-investiment kiber b’19%.

“Nemmen li dak li ksibna flimkien, minkejja l-maltemp li kelna, mhu se jkun xejn quddiem dak li se niksbu flimkien fis-snin li ġejjin. Tħallux min ibeżża’. Qalulna se jgħola d-dawl u l-fjuwil, għax għola l-prezz taż-żejt. Qalu hekk għax hekk jiġri jekk ikunu huma fil-Gvern. Qalulna li l-inflazzjoni se tikber dan il-pajjiż u li konna se nibqgħu ċassi. Hekk jiġri jekk ikun hemm huma fil-Gvern. Le imma, magħna mhux hekk. Aħna llum il-pajjiż bl-orħos dijżil, petrol u l-orħos kontijiet tad-dawl fiż-żona ewro.”

Dr Abela assigura li jekk il-poplu jagħtih il-fiduċja, se jkomplu jaħdmu dejjem favur aktar ġid għall-poplu Malti u Għawdxi kollu.

“Il-fiduċja iżda rridu nibqgħu naħdmu għaliha kuljum. Jekk temmnu li pajjiżna rnexxielu jegħleb l-agħar żminijiet b’mod tajjeb, tridu tkunu magħna biex nikkonċinċu aktar dwar għaliex għandna nżommu l-aktar forza kredibbli fit-tmexxija tal-pajjiż. Aħna l-fiduċja rriduha biss biex inwettqu l-programm ambizzjuż tagħna u nagħmlu realtà l-programm ta’ Malta flimkien. Li kull min irid isir ġenitur, isib appoġġ sħiħ. Li kull ġenitur jieħu €450 fis-sena aktar f’children’s allowace. Li kull familja f’pajjiżna li uliedhom ikomplu jistudjaw jieħdu €1,500 appoġġ mingħand il-gvern. Li kull tifel u tifla malli jibda s-Sekondarja jkollu laptop u tablet. Li nwettqu l-programm ta’ €700 fi proġetti ambjentali. Li nagħtu żieda ta’ €15 fil-ġimgħa lill-pensjonanti kollha u mediċini b’xejn lill-anzjani tagħna. Li nagħtu għotja ta’ €10,000 lill-first time buyers kollha.”

Sport