Friday, December 20, 2024

Il-PN jgħid li l-anzjani qed jgħoddsu aktar fil-faqar

Aqra wkoll

Stqarrija ffirmata mid-deputati Nazzjonalisti Paula Mifsud Bonnici, David Agius u Ivan Bartolo flimkien mal-Assoċjazzjoni Pensjonanti Anzjani Nazzjonalisti għamlet referenza għal ċifri ppubblikati din il-ġimgħa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika li skonthom juru li 27,562 anzjan jew kważi 30% tal-anzjani kollha li għandhom aktar minn 65 sena jinsabu f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali. Qalu li dan ifisser żieda ta’ 1.4% fuq l-2020.

Il-Partit Nazzjonalista nnota wkoll kif dawn iċ-ċifri juru li r-rata ta’ nisa li żdiedu fir-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali kienet sitt darbiet aktar minn dik tal-irġiel.

Il-Partit Nazzjonalista kompla biex jgħid li l-qagħda tal-anzjani fl-aħħar xhur kompliet tiggrava minħabba ż-żieda qawwija fl-għoli tal-ħajja, bil-prezzijiet dejjem jgħolew, specjalment tal-ikel u tal-medicini. Tant hu hekk li llum għandna anzjani kostretti jixtru l-orħos mediċini u l-orħos ikel biex ikunu jistgħu jkampaw sal-aħħar tax-xahar.

Il-Partit Nazzjonalista temm jgħid li hu obbligu tal-Gvern li jara li flus il-poplu jintużaw tajjeb u bi pjan serju biex l-anzjani taghna jkunu verament jistgħu jgħixu kwalità ta’ ħajja diċenti. “Il-Partit Nazzjonalista se jkompli jisħaq biex f’dawn iż-żminijiet ta’ sfida, kull min hu fil-bżonn, speċjalment l-anzjani, jingħataw dak li jixirqilhom”, temmet tgħid l-istqarrija.

Ekonomija

Sport