Saturday, May 4, 2024

Fl-2022, GO Diġa Ffrankat 200 tunnellata ta’ CO2 b’operat iżjed sostenibbli

Aqra wkoll

GO poġġiet is-sostenibbiltà ambjentali bħala wieħed mill-pilastri ewlenin tal-ħidma tagħha. Fl-2020, GO tat bidu għall-inizjattiva GO Green, inizjattiva li tiġbor taħtha il-ħidma u l-inizjattivi kollha li qed twettaq GO sabiex tnaqqas l-emissjonijiet, biex tkun iżjed favur l-ambjent u biex topera b’mod dejjem iżjed sostenibbli.

Waħda mill-iżjed inizjattivi importanti li qed twettaq GO hija dik ta’ eżerċizzju li jtawwal il-ħajja ta’ l-apparat tal-klijenti tagħha – inizjattiva li mhux biss qed twassal għal inqas infieq u spejjeż iżda iżjed importanti minn hekk, qed ikun hemm iżjed tnaqqis ta’ emissjonijiet CO2. Fil-fatt, huwa stmat li fl-ewwel nofs ta’ din is-sena, GO diġa ffrankat ‘il fuq minn 200 tunnellata ta’ CO2 permezz ta’ din l-inizjattiva. 

Din il-ġimgħa li ġejja, li tibda’ fl-20 ta’ Settembru, se tkun il-Ġimgħa Ewropea ta’ Żvilupp Sostenibbli. Il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża se jorganiżża l-Malta Sustainable Action Days 2022 li fiha, GO se jkunu qed jieħdu sehem permezz ta’ diversi inizjattivi favur dinja iżjed nadifa. 

“Is-sostenibbiltà ambjentali għandha tkun fuq nett fl-agenda ta’ kulħadd, minn kumpaniji kbar sa negozji iżgħar u anki fid-djar. Kulħadd jista’ jagħmel il-parti tiegħu u kull azzjoni, żgħira kemm tkun żgħira, tkun ta’ kontribut sabiex biż-żmien, intaffu ftit mill-effetti tal-klima,” qalet Ingrid Azzopardi, Group Internal Auditor ta’ GO.

“Waħda mill-inizjattivi ambjentali ewlenin tagħna kienet meta ħabbarna l-investiment ta’ €20 miljun fil-headquarters ġodda tagħna fiż-Żejtun li se tkun mgħottija kollha kemm hi bil-pannelli fotovoltajċi sabiex niġġeneraw kemm jista’ jkun enerġija solari,” ħabbret is-sinjorina Azzopardi.

Is-sinjorina Azzopardi spjegat ukoll kif diversi inizjattivi li twettqu minn GO matul din is-sena juru kemm GO hija mpenjata li tgħin sabiex ikunu indirizzati wħud mis-sbatax-il mira ta’ żvilupp sostenibbli tal-Ġnus Magħquda. 

Aktar tard is-sena l-oħra, GO akkwistat 76% ta’ SENS Innovation Group, kumpanija start-up li tispeċjaliżża fl-immaniġġjar ta’ l-enerġija u li tgħin stabbilimenti kummerċjali u ta’ ospitalità inaqqsu b’mod konsiderevoli il-konsum ta’ l-enerġija tagħhom bl-użu ta’ enerġija IoT.

It-teknoloġija żviluppata u mwassla minn SENS tgħin lill-klijenti jifhmu aħjar kif qed jużaw l-enerġija u tgħinhom jiksbu iżjed effiċjenzi. Bħalissa hemm madwar 3,415 kamra fis-settur lokali tal-lukandi li qed jagħmlu użu mit-teknoloġija ta’ SENS. 

Din it-teknoloġija, li kienet akkwistata wkoll minn negozji barra minn Malta li jridu jiffrankaw il-ħela tal-enerġija, qed tkun applikata wkoll minn GO u numru ta’ klijenti tagħha, li diġà qed igawdu minn tnaqqis sostanzjali fil-ħela tal-enerġija, u konsegwentement, iffrankar sinifikanti fl-ispejjeż.

L-eżerċizzju ta’ diġitaliżżazzjoni ta’ GO ikkontribwixxa b’mod sinifikanti wkoll għal tnaqqis fl-użu ta’ aktar minn tunnellata karta li kienet iffrankata din is-sena.

Il-ħidma biex kull kumpanija tkun sostenibbli tibqa’ eżerċizzju kontinwu. Huwa importanti li tkompli tikber il-kuxjenza dwar l-importanza tas-sostenibbiltà sabiex tibqa’ tittieħed l-azzjoni għall-bidla meħtieġa.

F’dan ir-rigward, inizjattiva ewlenija ta’ taħriġ organizzata mill-Akkademja tat-Tagħlim ta’ GO bħala parti mill-inizjattiva tagħha GO Green, attendew għaliha 87% tal-impjegati ta’ GO inklużi membri EXCOM ta’ GO u l-Bord tad-Diretturi tal-kumpanija. Dan it-taħriġ wassal għal sett ta’ impenji importanti li GO se tkun qed twettaq permezz ta’ diversi timijiet ta’ ħidma bil-għan li jitnaqqsu l-emissjonijiet fl-operat kollu tal-organizzazzjoni.

Matul l-2022, GO organizzat ukoll għadd ta’ attivitajiet biex titqajjem kuxjenza dwar it-tibdil fil-klima u s-sostenibbiltà, fosthom ‘vegan day’ biex tfakkar Jum id-Dinja fit-22 ta’ April fejn l-impjegati ġew offruti burgers vegani u ikel vegan ieħor ibbażat fuq il-pjanti. L-organizzazzjoni volontarja ta’ GO, GO Cares organizzat ukoll tindif taħt il-baħar fl-aħħar Sibt ta’ Mejju fejn inġabar skip sħiħ.

Iktar riċentement, l-impjegati ta’ GO fakkru l-Jum Internazzjonali tal-Karità billi organizzaw kampanja ta’ donazzjonijiet biex jinġabru ħwejjeġ użati kif ukoll ikel għall-Foodbank Lifeline Foundation u bżonnijiet għall-annimali. Dawn l-affarijiet iħeġġu lill-impjegati biex ikollhom sehem attiv fl-ekonomija ċirkolari u biex iħallu impatt aktar pożittiv fuq is-soċjetà in ġenerali.

“GO hija wkoll attiva ħafna fil-qasam ta’ l-iżvilupp sostenibbli marbut ma’ l-industrija, l-innovazzjoni u l-infrastruttura fejn sar investiment sinifikanti fil-proġett tal-fibre madwar il-pajjiż, kif ukoll fit-tqassim tal-5G network. Sabiex nindirizzaw il-mira dwar l-iżvilupp sostenibbli, qed inkejjlu l-emissjonijiet tagħna biex b’hekk inkunu f’pożizzjoni li nibqgħu infasslu l-istrateġija tagħna dwar is-sostenibbiltà,” żiedet tgħid Azzopardi.

“Bħala organiżżazzjoni li ta’ kuljum, qed tfittex li ssir aħjar, GO taspira li tkun fuq quddiem nett fis-suq f’dak li huwa operat sostenibbli. Huwa għalhekk li poġġejna l-impenn ambjentali tagħna fuq nett fuq l-aġenda tagħna. Il-fatt li GO hija waħda mill-membri li waqqfet il-Malta ESG Alliance ifisser li flimkien ma’ kumpaniji oħra li jaħsbuha bħalna, se nkomplu naħdmu flimkien b’mod kollettiv sabiex ikollna impatt iżjed pożittiv fuq l-ambjent,” temmet tgħid Ingrid Azzopardi. 

Sport