Tuesday, September 24, 2024

Il-PN jindika pjan li fih il-ġenituri se jkollhom aktar ħin għall-ulied

… Ikomplu l-wegħdiet mill-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech

Aqra wkoll

F’intervista li kellu llum, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech ta’ indikazzjoni li ladarba u jekk ikun fil-gvern se jagħmel mezz li l-ġenituri se jkollhom aktar ħin għall-familja, dan b’mod partikolari għat-trobbija tal-ulied.

Filwaqt li kompla bl-attakki tiegħu fuq it-tmexxija preżenti u b’kuntrast “ibigħ” ġenna fl-art taħt gvern Nazzjonalista, huwa ddikjara li, “il-Partit Nazzjonalista qiegħed jifhem id-diffikultajiet tan-nies u se jara li mhux biss ikollna ekonomija b’saħħitha imma jkollna ekonomija tan-nies għal familji b’saħħithom. Dawn mhux biss ikollhom il-flus imma jkollhom il-ħin biex igawdu lill-għeżież tagħhom. X’hemm isbaħ milli jkollok iċ-ċans li tgawdi l-familja u l-pajjiż, pajjiż f’ambjent sabiħ u mhux f’assedju”.

Hawnhekk il-Kap tal-PN insista li t-tema li nimxu ‘l quddiem bħala pajjiż mhiex biss tema imma l-obbligu tagħhom. “Qegħdin inħarsu li nġibu lil pajjiżna aħjar. Se nkunu qegħdin inwettqu pjan b’valuri ta’ rispett lejn il-familja, lejn il-komunità u lejn il-persuna. B’politika biex in-nies jimxu ‘l qudiem. X’jiswa li jkollok familji li jkollhom djar ta’ kwalità imbagħad dik il-familja ma ssibx il-ħin biex tindokra lil uliedha? Dan irridu nagħmlu fil-pajjiż. Għalhekk ir-rispett,” kompla Grech.

Fuq it-tema tar-rispett huwa aċċenna għall-każ tal-Ħamrun li fih żewġ pulizija ġew aggrediti waqt il-qadi ta’ dmirijiethom. Filwaqt li esprima solidarjetà ma’ dawn il-pulizija, il-Kap tal-Oppożizzjoni għamilha ċara li taħt tmexxija tiegħu fil-pajjiż se tinħoloq sistema li biha kulħadd jifhem fejn huwa postu fis-soċjetà. “Ma tistax tikser il-liġi u ma jkollokx konsegwenzi. Meta nitkellmu fuq politika ta’ rispett, ir-rispett irid jidħol mhux biss fid-diskors, imma anke fl-imġieba tagħna. Meta ngħidu pajjiż ta’ kwalità, irid ikun kollox”.

Grech reġa’ dar fuq it-tema tal-familja fejn qal li għandna ġenituri li jagħmlu djar sbieħ imma mbagħad iduru fuq it-tfal u jgħiduhom li għalihom imma, m’għandhomx ħin. Insista li, “it-tfal imma l-ħin iridu”. Hawn wieħed jistenna biex naraw kif Partit Nazzjonalista se jwettaq wegħda bħal din. Dan barra l-ħafna wegħdiet oħra li jmissu s-setturi maġġuri fosthom tal-infrastruttura, ambjent u saħħa pubblika, li wkoll tkellem dwarhom.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni saħaq li kull darba li jsir żvilupp f’pajjiżna jrid ikun hemm pjan li jsir bil-għaqal u temm li, “hekk jagħmlu l-familji Maltin u hekk se jkun qiegħed jagħmel Gvern Nazzjonalista b’imħabba kbira lejn il-bniedem. Se jkun qed jagħmel għażliet bil-għaqal”.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport