Tuesday, December 24, 2024

“Il-politiċi għandhom jagħrfu l-importanza tal-problemi ambjentali”

- L-Ispeaker Anġlu Farrugia

Aqra wkoll

Stqarr dan l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia MP, meta kien qed imexxi Konferenza dwar it-Tibdil fil-Klima fil-Parlament ta’ Malta.

L-Ispeaker saħaq li l-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima huma kbar ħafna li jistgħu jwasslu għal qerda tal-bniedem. Huwa għamel referenza għad-diskussjoni tul il-Konferenza tal-Ġnus Magħquda dwar it-Tibdil fil-Klima li hi ntiża biex jonqos il-konsum ta’ riżorsi minerali li jagħmlu ħsara l-ambjent fid-dinja.

Dawn jinkludu l-hydrocarbons u plastik li huma ta’ theddida serja għall-ambjent u l-ekosistema tad-dinja għax iwasslu biex jiżdiedu l-gassijiet tossiċi fl-atmosfera bit-temperatura fid-dinja tiżdied, b’konsegwenzi iebsa fuq l-umanità minħabba d-deżertifikazzjoni.

L-Ispeaker saħaq li kull pjan nazzjonali ta’ żvilupp għandu jkun imfassal fuq il-prinċipji u l-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli kif imfissra sew minn diversi konferenzi internazzjonali, fost dawn, Aġenda 2030 dwar Żvilupp Sostenibbli.

Malta, bħal kull pajjiż ieħor, hi obbligata li ssegwi dawn il-pariri u twissijiet. Fix-xena internazzjonali, Malta għandha dejjem issemmi l-interess ta’ pajjiżi l-fqar u gżejjer żgħar. Hu semma kif, diversi gżejjer żgħar fl-oċeani huma mhedda mill-effetti taż-żieda fil-livell tal-baħar, fejn fil-ġejjieni qrib, il-popli ta’ dawn il-gżejjer jistgħu jkunu kostretti li jħallu pajjiżhom kawża ta’ żieda fil-livell tal-baħar, b’pajjiżhom jispiċċa taħt l-ilma baħar.

L-Ispeaker appella biex Malta tibqa’ tippersisti f’ħidma favur il-ħarsien tal-ambjent, il-ġustizzja, il-paċi u s-sliem fid-dinja sabiex kif fl-imgħoddi Malta kienet protagonista biex tmexxi ’l quddiem il-kunċett dwar il-Wirt Komuni tal-Umanità, illum parti mid-Dritt Internazzjonali, hekk għandha tibqa’ tagħmel biex il-komunità internazzjonali tagħraf aktar l-importanza li tħares l-ambjent dinji u l-wirt komuni għal ġid u fl-interess tal-umanità u tal-bnedmin kollha.

L-Ispeaker fakkar li meta hu kien Chairperson tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Commonwealth, wara konferenza li mexxa fil-Headquarters tal-UNEP (United Nations Environmental Programme) f’Nairobi, fil-Kenya, kien ġie mniedi sett ta’ għodod (toolkit) jew aħjar kodiċi ta’ prattika amministrattiva tajba għal użu mill-Membri Parlamentari stess ta’ aktar minn 180 parlament fil-Commonwealth, sabiex jiġi utilizzat meta huma jkunu qed iwettqu inizjattivi favur l-ambjent u kontra t-tibdil fil-klima u anke biex iġibu fix-xejn l-influwenza ta’ kumpaniji kbar li linja ta’ produzzjoni tħammeġ l-ambjent.

Fl-għeluq tad-diskors tiegħu, l-Ispeaker għamel referenza għall-Istrateġija Nazzjonali dwar it-Tibdil fil-Klima, għar-rapport Climate Change Performance Index (CCPI) dwar Malta u l-Att tal-2015 biex jistabbilixxi qafas għal azzjoni dwar tibdil fil-klima, fejn tenna li Artiklu 4 ta’ dan l-Att, jobbliga lil kull persuna, inkluż il-Gvern ta’ Malta, tipproteġi l-klima u tassisti fit-teħid ta’ miżuri preventivi u rimedji għall-protezzjoni tal-klima.

Waqt din il-konferenza ħadu sehem bosta kelliema, fost dawn kien hemm is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said MP, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech MP, u Cressida Galea MP, u Eve Borg Bonello MP.

Ekonomija

Sport