Sunday, December 22, 2024

IL-POPLU AFGAN

Ruben Briffa
Ruben Briffa
Analista dwar Avvenimenti Internazzjonali

Aqra wkoll

Bħalissa, fil-mijiet ta’ eluf ta’ artikli li qegħdin jinkitbu madwar id-dinja fuq dak li qiegħed jiġri ġewwa l-Afganistan, ħafna analisti tal-politika internazzjonali qegħdin jippruvaw jirrispondu żewġ domandi principali rigward dan il-pajjiż.

L-ewwel waħda hija għalfejn l-Afganistan dejjem jispiċċa f’konflitt ma’ xi superpotenza u t-tieni mistoqsija hija kif kull darba li xi superpotenza tal-mument tidħol f’xi konflitt ma’ dan il-pajjiż, din dejjem tispiċċa umiljata. F’dawn l-aħħar 200 sena, l-Afganistan kellu erba’ gwerer prinċipali ma’ pajjiżi li kienu fuq quddiem nett f’dik li hija saħħa militari. 

Il-gwerer kontra l-Imperu Ingliż

Fis-seklu 19, l-Imperu Ingliż, li dik il-ħabta kien fil-quċċata tiegħu, kien iġġieled żewġ gwerer mal-Afganistan. Fl-ewwel konflitt, l-Afgani kienu litteralment immassakraw lill-armata kollha tar-Renju Unit, li kienet stazzjonata f’dan il-pajjiż. Fil-fatt, jingħad li r-ribelli Afgani kienu qatlu madwar 15,000 ruħ, li kienu jinkludu l-familji tas-suldati Ingliżi, wara li l-poplu kien qam kontra tagħhom.

Il-poplu Afgan kien qam kontra l-ħakkiem wara li dawn kienu qegħdin fost affarijiet oħra jaqbdu man-nisa Afgani kif ukoll minħabba li l-Ingliżi ma kinux iħaddnu r-reliġjon Musulmana. Għalkemm l-Ingliżi kienu pattewha lill-Afgani ta’ dan il-massakru, huma rtiraw minnufih wara li kienu ġabru lura ġieħhom.

Wara xi 50 sena minn dan l-episodju, l-ossessjoni li kellhom l-Ingliżi li kulħadd kien qiegħed jipprova jattakka l-Imperu Ingliż waslet għal invażjoni oħra tal-Afganistan. Però, minkejja li din id-darba l-Ingliżi kienu ħadu ħafna prekawzjonijiet sabiex ma jnaffrux lill-poplu Afgan, fosthom li jiżolaw ruħhom ġewwa palazz sabiex ma jitħalltux mal-Afgani, dawn xorta kellhom jitilqu minħabba l-ostilità tal-poplu.

Invażjoni mill-Unjoni Sovjetika

Lejn l-aħħar tas-snin sebgħin tas-seklu 20, l-Afganistan kellu gvern Komunista. Minħabba li l-Komuniżmu kien assoċjat mal-ateiżmu, dan ma tantx niżel tajjeb mal-poplu li minn dejjem kien jipprattika r-reliġjon Iżlamika. Dan wassal għall-formazzjoni ta’ ħafna milizzji li bdew jattakkaw l-armata leali lejn il-gvern u li eventwalment wassal għal ħafna instabilità politika.

L-Unjoni Sovjetika ddeċidiet li tinvadi lill-Afganistan sabiex tgħin lill-gvern alleat tagħha. Però, kif kien ġralhom l-Ingliżi, wara snin twal ta’ ġlied imdemmi, li fih tilfu ħajjithom eluf ta’ suldati Sovjetiċi, l-Unjoni Sovjetika kellha tirtira minn din il-gwerra b’mod umiljanti għall-aħħar. Għalkemm, din ma kinitx l-unika raġuni li waslet għax-xoljiment tal-Unjoni Sovjetika, jingħad li din il-gwerra kienet tat daqqa ta’ ħarta kbira lill-Unjoni Sovjetika, kemm finanzjarjament u kemm f’dak li huwa prestiġju.

L-invażjoni tal-Istati Uniti

L-aħħar invażjoni tal-Afganistan hija naturalment dik tal-koalizzjoni mmexxija mill-Istati Uniti li kienet suppost risposta għall-attakki tal-11 ta’ Settembru tal-2001. Wara 20 sena ta’ tixrid ta’ demm u ta’ triljuni ta’ dollari ta’ nfiq sabiex tkun ffinanzjata din il-gwerra, l-Istati Uniti mxew fuq l-istess passi tar-Russi u tal-Ingliżi u rtiraw minn din il-gwerra.

Minn fejn ġej l-interess fl-Afganistan?

Naturalment, il-mistoqsija li jmiss tiġi waħedha. Għalfejn dawn is-superpotenzi kienu lesti jidħlu fi gwerra ma’ dan il-pajjiż, li ftit li xejn joffri attrazzjoni minħabba li jikkonsisti f’deżerti u muntanji li qajla huma abitabli. Anke rigward l-infrastruttura, dan il-pajjiz ghadu hafna lura bl-uniku toroq ewlenin huma dawn ‘l hekk imsejħa ‘ring roads’ li jaghqdu l-erbgha l-ibliet ewlenin tal-pajjiz li huma l-kapitali Kabul, Kandahar, Masar al Sharif u Herat. 

L-attrazjoni tas-superpotenzi lejn l-Afganistan minn dejjem kienet ġejja mill-pozizzjoni ġeografika tiegħu. Fi żmien l-imperu Ingliż u dak Russu, l-Afganistan kellu ħafna importanza politika minħabba li jinsab bejn l-Imperu Russu u l-Indja, li dak iż-żmien kienet kolonja tal-Ingliżi.

Kien proprju l-biża’ tal-Ingliżi li r-Russi kienu qegħdin jippjanaw li jidħlu fl-Indja li wasslet għall-ewwel żewġ gwerer li semmejna aktar ’il fuq. L-Ingliżi riedu jżidu l-preżenza tagħhom ġewwa l-Afganistan sabiex dan iservi bħala tarka għal kull ambizzjoni fuq l-Indja tar-Russi.

Rigward, l-invażjoni tal-Unjoni Sovjetika, l-pożizzjoni ġeografika tal-Afganistan kienet kruċjali sabiex Leonid Brezhnev, il-mexxej Sovjetiku ta’ dak iż-żmien, kien iddeċieda li jinvadi l-Afganistan. Is-Sovjetiċi ma setgħux jaffordjaw li stat komunista hekk qrib tal-Unjoni Sovjetika ma jibqax komunista. Dak iż-żmien kien qiegħed isir attakk strutturat mir-ribelli Mugajdin fuq il-gvern Afgan li kien kważi twaqqa’.

Ta’ min ifakkar li dawn il-Mugajdin kienu qegħdin jingħataw l-għajnuna b’mod indirett mill-Istati Uniti li kienu sabu l-okkażjoni sabiex ipattuha lir-Russi minħabba li dawn kienu għenu lill-Vjetkong fil-gwerra tal-Vjetnam. Kien proprju fi żmien it-tmexxija Komunista li feġġew gruppi militanti estremisti Iżlamiċi bħat-Talibani. Sabiex tkompli tgħaxxaqa, l-armi sofistikati li kienu ngħataw mill-Istati Uniti lir-ribelli issa kienu spiċċaw f’idejn gruppi bħat-Talibani.

Anke wara l-invażjoni mill-Istati Uniti kien hemm element qawwi tal-pożizzjoni ġeografika tal-pajjiż. Dan minħabba li l-Pakistan, l-alleat ewlieni tal-Istati Uniti fil-ġlieda kontra t-terroriżmu f’dan ir-reġjun kellu kull interess li jżid l-influwenza tiegħu fl-Afganistan minħabba t-tensjoni li teżisti bejnu u bejn l-Indja.

Għalfejn dejjem ħarġu telliefa?

Il-poplu Afgan huwa magħmul minn diversi etniċitajiet. Barra minn hekk, minkejja li l-maġġoranza assoluta tal-popolazzjoni hija Musulmana, il-popolazzjoni xorta hija maqsuma fuq ir-reliġjon minħabba li hemm min huwa Musulman Xiita u hemm min huwa Sunni.

Però, minkejja dawn il-qasmiet kollha, il-poplu minn dejjem kien magħqud fuq il-preservazzjoni tal-indipendenza minn kull forma ta’ ndħil barrani. Hija proprju din l-ossessjoni li għandu dan il-poplu li tat il-fama lill-Afganistan li huwa nazzjon ta’ ġellieda patrijottiċi qalbiena.

Din id-determinazzjoni li jiddefendu l-indipendenza ta’ pajjiżhom akkost ta’ kollox, flimkien mar-reliġjon li tinkoraġġixxi lin-nies sabiex jiġġieldu il-jihad, jew gwerra qaddisa, kontra kull tip ta’ interferenza fuq twemminhom li dejjem wasslet sabiex dan il-poplu għamel il-ħajja tal-invażuri infern.

Naturalment, l-art muntanjuża minn dejjem tat żvantaġġ strateġiku lill-ġellieda Afgani f’kull gwerra li semmejna.

Għalhekk, jagħmel ħafna sens kumment li għamel dan l-aħħar, Rory Stewart, korrispondent tal-BBC, li l-istorja għallmitna li huwa verament faċli li tinvadi lill-Afganistan iżda huwa kważi impossibli li tibqa’ taħkmu fit-tul.

Minħabba l-fatt li issa hemm it-Talibani fil-poter, il-prospett ta’ dħul tad-demokrazija fl-Afganistan huwa kważi impossibli. Milli jidher il-kważi 30 miljun ċittadin ta’ dan il-pajjiż sfortunat sejrin ikollhom jistennew ħafna aktar sabiex jiksbu l-ħelsien sħiħ. Fuq din it-tema jeżistu ħafna dubji kemm fil-fatt dan il-poplu jrid jgħix f’demokrazija.

Fil-fatt, l-uniku attentat sabiex dan il-pajjiż jigi mmodernizzat kemm politikament, kif ukoll soċjalment, li kien sar mir-re Amanullah, kien ġie mwaqqaf mill-poplu stess ghaliex fl-iżvilupp l-Afgani kienu raw theddida għar-reliġjon u l-kultura taghhom. Biss, dan l-attentat kien sar kważi mitt sena ilu. Min jaf l-Afgani bidlux il-ħsieb tagħhom fuq din it-tema.

Ekonomija

Sport