Wednesday, April 24, 2024

ELEZZJONI FIL-ĠERMANJA

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

L-elezzjoni Ġermaniża riesqa se tkun waħda interessanti. Bdiet bil-kandidata tal-Ħodor Annalena Baerbock fuq quddiem nett — sakemm waqgħet lura wara li qam skandlu ċkejken dwar teżi li kienet kitbet u wara li żbaljat fid-diskorsi li għamlet.

Ir-rankatura ħadha l-kandidat tas-CDU-CSU Armin Laschet li għall-bidu kien deher li mhuwiex popolari biżżejjed imma skont is-sondaġġi tella’ appoġġ aktar minn rispettabbli. Imbagħad kien imiss lilu li jagħmel l-iżbalji u l-vantaġġ li kellu għosfor, tant li l-partit tiegħu niżel fis-sondaġġi sal-aktar punt baxx li qatt laħħaq. 

Issa, l-kandidat tal-S&D Olaf Scholz jinsab fuq quddiem. Li ma jfissirx li għandu ċansijiet aqwa minn tat-tnejn l-oħra li jirbaħ l-elezzjoni. Is-soċjalisti tilfu numru ta’ elezzjonijiet fejn minn pożizzjoni fuq quddiem fis-sondaġġi spiċċaw fuq wara fir-rizultati finali. 

It-tluq tal-kanċellier Merkel mill-politika Ġermaniza tassew qed joħloq turbulenza kurjuża fi ħdan il-personnel politiku Ġermaniż!

***

IL-PRESIDENZA

Il-kampanja insidjuża kontra l-President George Vella qed tiġi mmuntata minn nies li jiftaħru bil-lealtà u l-imħabba tagħhom lejn ir-repubblika u l-pajjiż. Fir-realtà huma motivati minn sentimenti partiġġjani ta’ nies li tilfu l-boxxla. B’ċertu mod aktar ma jkomplu f’dit-triq, aktar se jispiċċaw emarġinati.

Ftit hawn persuni attivi jew li kienu attivi fil-ħajja politika ta’ pajjiżna li taw xhieda ta’ integrità u rettezza tul żmienhom aqwa jew aħjar mill-President attwali.  Li tipprova tnaqqarlu mill-istima li jixraqlu, kif qed jipprovaw jagħmlu dawn it-talin, hu kontra sens.

Juri wkoll nuqqas ta’ rispett veru u ġenwin lejn il-kariga ta’ President tar-Repubblika. Fi żmien il-Presidenza ta’ Dr Guido de Marco u Dr Fenech Adami personalment jien stajt nagħmel bħal ma qed isir lejn Dr Vella, u b’akbar forza. Żammejt distanza miż-żewġ Presidenti msemmija imma qgħadt lura milli nikkummenta dwarhom, biex il-kariga li okkupaw tibqa’ titqies bl-akbar rispett.

***

INIZJATTIVA TAJBA ĦAFNA

Jixraqlu kull tifħir, il-proġett li ħabbar il-gvern li bih se jkun qed jidħol hu biex jagħti garanzija lil persuni li — mhux tort tagħhom — ma jistgħux jiksbu l-koperta ta’ insurance meta jiġu biex jixtru darhom. Dan minkejja li jkollhom dħul minn impjieg jew xi ħidma oħra biex ikunu jistgħu jifilħu għall-imgħaxijiet u ħlas lura tal-kapital fuq self li jagħmlu biex jiffinanzjaw ix-xirja.

Il-proġett jidentifika settur pjuttost ċkejken ta’ nies li nqabdu fi spazju fejn ma kienx hemm soluzzjoni għall-problema tagħhom. Minkejja li huma membri attivi u dennji tas-soċjetà, donnhom kienu minsija. Il-proġett jipprovdilhom soluzzjoni siewja u produttiva. Mank li l-inizjattivi publiċi kollha jitfasslu bl-istess intelliġenza u effettività. 

Sport