Saturday, December 21, 2024

“Il-poplu jixraqlu l-aħjar u għandu jintwera l-ogħla rispett lejn l-intelliġenza tiegħu” – il-President Vella

Aqra wkoll

Il-President tar-Repubblika George Vella qal li l-elezzjoni ġenerali hija dejjem avveniment importanti fil-ħajja ta’ pajjiż demokratiku.

Qal li pajjiż demokratiku ma jitqiesx hekk biss għaliex iżomm elezzjonijiet liberi kull tant snin, iżda l-elezzjonijiet huma parti essenzjali mit-tħaddim tad-demokrazija.

Huwa għalhekk sostna li wieħed għandu jqis dan l-eżerċizzju bħala mument ta’ importanza kbira fil-ħajja ta’ pajjiż demokratiku.

Il-President Vella qal: “Issa li tħabbret id-data meta pajjiżna se jkollu elezzjoni ġenerali, inħoss li minbarra li naqdi d-doveri tiegħi bħala President, inħoss ukoll il-bżonn li nfakkar id-dmirijiet li jġorr kull min hu involut f’din l-Elezzjoni Ġenerali, kif ukoll il-konsegwenzi li l-poplu jista’ jiffaċċja jekk dan l-eżerċizzju ma jingħatax l-importanza li tixraqlu.”

Huwa appella lill-kandidati li se jippreżentaw irwieħhom biex jintgħażlu bħala l-mexxejja tal-poplu tagħna.

“Infakkarhom biex ikunu onesti, sinċieri u trasparenti fil-wegħdiet tagħhom u li jpoġġu l-interess tal-poplu l-ewwel u qabel kollox. Inħeġġiġhom jaraw lilhom infushom bħala qaddejja li qegħdin joffru servizz lill-bqija tal-komunità bl-iskop li jintlaħaq l-ogħla livell ta’ ġid komuni u mhux mod ieħor.”

Żied jgħid: “Inħeġġiġhom ukoll li kliemhom dwar dak li jridu jwettqu, u dwar il-mezzi li jridu jużaw biex jintlaħqu dawn l-għanijiet, ikun ċar u tond u li ma jħalli ebda ekwivoku li jista’ jagħti lok għal sorpriżi fl-interpretazzjoni waqt it-twettiq aktar ’il quddiem. Il-poplu jixraqlu l-aħjar u għandu jintwera l-ogħla rispett lejn l-intelliġenza tiegħu u lejn dik il-fiduċja li biha jafda lil min se jippreżenta l-interessi tiegħu fit-tmexxija ta’ pajjiżna.”

Il-President qal li jħoss b’mod partikolari li għandu jirrakkomanda wkoll il-moderazzjoni u r-rispett fil-lingwaġġ li wieħed juża matul il-kampanja elettorali. Qal li biex isiru l-argumenti u jiġu spjegati differenzi bejn opinjonijiet differenti, m’hemmx għalfejn kliem inġurjuż, tgħajjir, u insulti, wisq anqas akkużi bla bżonn, speċjalment jekk ikunu mibnija fuq allegazzjonijiet bla bażi.

Huwa appella lill-awtoritajiet regolatorji f’pajjiżna, biex f’dan iż-żmien sensittiv u delikat li deħlin fih, iwettqu dmirijiethom bi skruplu, b’reqqa, b’imparzjalità, u bir-responsabbiltajiet kollha li ġġorr magħha l-funzjoni regolatorja li jpoġġu fuq spallejhom.

Appella fuq kollox ukoll liċ-ċittadini kollha li se jiġu msejħa biex jagħmlu dmirhom u jagħżlu lil min jaħsbu li jkun l-aħjar biex imexxi ’l pajjiżna fis-snin li ġejjin

“Nixtieq infakkar li dan huwa dmir u dover importanti li soċjetà demokratika tistenna minna li naqdu b’impenn u b’responsabbiltà. Huwa fuq dawn l-għażliet li jiddependi ħafna fejn, fis-snin li ġejjin, se mmorru bħala pajjiż u min xiex nistgħu ngħaddu. L-għażliet li nagħmlu llum jista’ jkollhom impatt qawwi fuq kif se niffaċċjaw il-problemi u nagħmlu l-aħjar użu mill-opportunitajiet li pajjiżna se jiltaqa’ magħhom fis-snin li ġejjin.”

Ekonomija

Sport