Saturday, May 4, 2024

Il-poplu Malti jilqa’ bi ħġaru s-sejħa li jdendel il-bandiera Maltija

Aqra wkoll

Il-bajda u l-ħamra tperper ma’ xi arblu jew stirata ma’ xi gallarija

L-aħħar ġimgħat, għal pajjiżna kienu fost l-aktar iebsin mit-Tieni Gwerra Dinjia sal-lum. Ir-rutina normali li kellna, inqalbet ta’ taħt fuq. Avversarju mikroskopiku u anonimu rnexxielu jaqfilna f’darna u jbiegħed familjari minn ma xulxin, speċjalment lil dawk li jaħdmu fis-settur tas-saħħa u fil-forzi tal-ordni. Il-COVID-19 hija pandemija li għada pitgħada kienet se tmiss lil pajjiżna, minkejja dan, meta ħabtitilna fuq il-bieb ilkoll inħsadna. Dan għaliex ‘in-normalità’ ta’ ħajjitna ma baqgħetx l-istess u dak li sa ftit ġimgħat ilu kien xejn mhu xejn, illum sar jiswa mitqlu deheb.

Il-Malti huwa magħruf li f’mumenti diffiċli jxammar il-kmiem u ma’ jaqta’ qalbu qatt. Fit-Tieni Gwerra Dinjija, il-qlubija tal-Maltin, minkejja il-bumbardamenti Taljani u Ġermaniżi ssarrfet fl-għoti tal-George Cross. Illum il-ġurnata, minkejja li air-raids u bumbardamenti mhawnx, il-poplu Malti qiegħed jissejjaħ biex ikun ponn wieħed, magħqud biex flimkien nirbħu l-imxija tal-COVID-19. Din is-sejħa, il-popolin aċċettaha bi ħġaru, tant li fit-toroq Maltin il-bajda u ħamra qiegħda tirrenja tperper ma’ xi arblu jew stirata ma’ xi gallarija.

Minkejja li Malta u Għawdex huma tikka f’nofs il-Mediterran, il-qlubija tagħna f’mumenti diffiċli tiżboq bil-kbir id-daqs tal-gżira ġawhra tagħna.

Sport