Wednesday, July 24, 2024

Il-POU titlob li d-dritt li ħaddiema tal-Korp jagħmlu part time ma jitpoġġiex f’dubju

Aqra wkoll

Il-Police Officers’ Union ħabbret li aktar kmieni illum għamlet kuntatt bil-miktub mal-Ministru tal-Intern Byron Camilleri biex jiġu ċċarati xi punti li semma f’intervista fuq programm fuq l-istazzjon nazzjonali.

L-unjin spjegat li l-punti fil-kwistjoni huma dawk dwar il-bżonn li jkun hemm politiki aktar ċari dwar l-eliġibbiltà tal-membri tal-korp li jagħmlu xogħol fuq bażi part-time, kif ukoll dwar iċ-ċentralizzazzjoni tal-extra duty fi ħdan il-Korp tal-Pulizija.

Filwaqt li l-POU-GWU taqbel ma’ sistema aktar professjonali fejn ikun hemm politiki ċari fi ħdan il-Korp, min-naħa l-oħra tħoss li d-dritt tal-ħaddiema tal-Korp li jagħmlu xogħol alternativ fuq bażi part-time m’għandhiex titpoġġa f’dubju, naturalment sakemm dak ix-xogħol ma joħloqx konflitt ta’ interess mal-ħidma fil-Korp.

Rigward iċ-ċentralizzazzjoni tal-Extra Duty, il-POU-GWU tifhem il-bżonn li jkun hemm sistema li toħloq garanzija ta’ checks and balances, biss min-naħa l-oħra tħoss li din is-sistema għandha tassigura li jkun hemm l-istess garanziji ta’ kundizzjonijiet li l-ħaddiema għandhom fis-sistema attwali.

Il-POU qalet li tistenna r-risposta tal-Ministru, biex ikun stabbilit il-pass li jmiss. Bħal dejjem, qalet li se tkun lesta biex tkompli bid-djalogu kemm mal-Ministru, kif ukoll mal-Amministrazzjoni tal-Korp.

Ekonomija

Sport