Monday, November 11, 2024

Il-President Ċiniż jiddefendi l-istrateġija tiegħu ta’ zero-Covid

Jingħata bidu għall-kungress storiku tal-Partit Komunista f’Beijing

Aqra wkoll

Il-President taċ-Ċina Xi Jinping iddefenda l-istrateġija kontroversjali tiegħu ta’ zero-Covid waqt li kien qed jindirizza l-ftuħ ta’ kungress storiku tal-Partit Komunista f’Beijing. Il-delegati aktarx li jagħtu lis-Sur Xi t-tielet mandat bħala kap tal-partit. 

“L-istrateġija ta’ zero-Covid kienet gwerra għan-nies kollha biex jitwaqqaf it-tixrid tal-virus,” qal Jinping. Din il-politika wasslet biex ikunu salvati l-ħajjiet iżda wkoll kellha effetti fuq il-poplu Ċiniż u l-ekonomija tal-pajjiż. Qed tiżdied ukoll l-għejja minħabba lockdowns u restrizzjonijiet marbuta mal-ivvjaġġar. 

Beijing imponiet miżuri stretti ta’ sigurtà qabel il-kungress li wassal għal frustrazzjoni kbira f’din il-belt bi protesta pubblika rari u drammatika nhar il-Ħamis li għadda li kkritikat lil Jinping u l-istrateġija ta’ zero-Covid. Is-Sur Xi indirizza wkoll il-kwistjoni tat-Tajwan – li ċ-Ċina tqisha bħala parti mit-territorju tagħha. 

Fid-diskors tiegħu, is-Sur Xi qal li Beijing “qatt ma wiegħed li jirrinunzja għall-użu tal-forza” u li r-“ri-unifikazzjoni sħiħa ta’ pajjiżna trid u se titwettaq.” 

Dwar Hong Kong, is-Sur Xi qal li Beijing eżerċitat il-kontroll tagħha hemmhekk, u biddel is-sitwazzjoni minn “kaos għal governanza”. Beijing imponiet liġi ta’ sigurtà fuq it-territorju wara dimostrazzjonijiet favur id-demokrazija fl-2019.

Il-President Ċiniż għamel ukoll referenza għad-diviżjonijiet fi ħdan l-establishment politiku taċ-Ċina, u qal li t-tmexxija tiegħu “neħħiet perikli serji li kienu moħbija fi ħdan il-partit.” 

Sport