Tuesday, April 30, 2024

Nirien f’ħabs fl-Iran … jinstemgħu tiri u anke splużjonijiet

Aqra wkoll

Is-Sibt li għadda nirien kbar ħakmu l-ħabs Evin fl-Iran, liema ħabs huwa magħruf li jilqa’ priġunieri politiċi, ġurnalisti u ċittadini barranin. 

Filmati li ċċirkolaw online wrew dħaħen kbar fis-sit f’Tehran, u setgħu wkoll jinstemgħu tiri u anke splużjonijiet. Uffiċjal li tkellem mal-midja tal-istat qal li s-sitwazzjoni kienet taħt kontroll, iżda filmati wrew in-nirien jitkebbsu aktar wara dawn il-kummenti. 

L-Iran issa ilu ġimgħat maħkum min protesti kontra l-Gvern. L-ewwel protesti seħħew ix-xahar li għadda wara l-mewt ta’ Mahsa Amini fil-kustodja tal-pulizija. Uffiċjali qalu li mietet b’attakk tal-qalb iżda l-familja tagħha kkontestat dan u allegat li kienet imsawta mill-pulizija. 

Għadu mhux magħruf jekk is-sitwazzjoni fil-ħabs hijiex marbuta ma’ daw id-dimostrazzjonijiet riċenti. 

Sport