Monday, November 4, 2024

Il-President George Vella jinawgura wirja ta’ 33 skultura, b’risq il-MCCF

Aqra wkoll

Il-President George Vella nieda ‘Sculptura’, wirja kurata li tippreżenta ġabra notevoli ta’ 33 biċċa skultura mogħtija b’donazzjoni minn 32 artist b’risq The Malta Community Chest Fund.

Waqt it-tnedija tal-wirja fis-Sala Antoine De Paule fil-Palazz ta’ Sant’Anton, il-President Vella rringrazzja lill-artisti kollha u lil Art4MCCF għat-tieni proġett tematiku bl-għan li jinġabru fondi għal dawk fil-bżonn filwaqt li jiġu promossi l-kisbiet tal-komunità artistika Maltija.

Il-wirja tippreżenta varjetà ta’ skulturi u tinkludi firxa wiesgħa ta’ ġeneri, mill-figurattiv għall-astratt, effimeri, u li saħansitra jinkorporaw elementi bħal popcorn enormi, bżieżaq, busti, maskri u għadam. Is-suġġetti esplorati fix-xogħlijiet ivarjaw minn temi reliġjużi u mitoloġiċi għal fobiji u kwistjonijiet temporanji. L-artisti mistiedna jinkludu individwi stabbiliti sew fix-xena tal-arti Maltija kif ukoll talenti emerġenti promettenti.

Is-Sur Lawrence Pavia, chairperson tal-kumitat organizzattiv, qal li wara s-suċċess tal-wirja kurata ‘But I See Beauty’ lejn tmiem is-sena l-oħra, Art4MCCF iddeċieda li jorganizza din il-wirja li tiffoka fuq l-iskultura li serviet bħala mezz ta’ komunikazzjoni, tifkira u devozzjoni sa minn żminijiet il-qedem.

Is-Sa Melanie Erixon, kuratriċi tal-wirja, qalet li kull biċċa xogħol tirrakkonta l-istorja unika tagħha filwaqt li tuża diversi materjali bħal ċeramika, metall, tafal, tessut, ġebla tal-franka, reżina, karti, ram, kisi bid-deheb u stampar 3D. Waħda mix-xogħlijiet tal-arti hija interattiva u tippermetti lis-sid potenzjali tagħha jibdel parti mill-iskultura u l-kunċett.

Il-pubbliku jista’ jżur il-wirja nhar ta’ Sibt (3, 10, 17 ta’ Ġunju) u Ħadd (4, 11, 18 ta’ Ġunju) bejn id-0900 u 1200 u bejn il-1700 u t-2000.

Sport