Saturday, November 23, 2024

Il-President George Vella jinnota bi pjaċir li għall-ewwel darba ma kellna ebda każ ġdid ta’ COVID-19 f’Malta

Aqra wkoll

Il-President George Vella jieħu pjaċir jinnota li wara ġranet li fihom kellna numri żgħar ħafna ta’ każi ġodda ta’ COVID-19, illum għall-ewwel darba ma kellna l-ebda każ ġdid.

Il-President saħaq li dan ma jfissirx li l-COVID-19 waqfet tattakkana, imma jfisser li l-miżuri li ttieħdu mill-awtoritajiet tas-saħħa, u l-mod kif sa issa kkopera l-pubbliku in ġenerali, b’ħafna sagrifiċċji personali, jidhru li qed jaħdmu u jħallu r-riżultati mixtieqa. Dan ifisser li bil-mod il-mod qed jitbiegħdu minna l-biżgħat ta’ dawk id-diżastri umanitarji li rajna jseħħu f’pajjiżi ġirien tagħna.

Il-President enfasizza l-gratitudni kbira li għandu jkollna lejn min gwidana u ħares saħħitna u saħħet l-għeżież tagħna matul l-aħħar ġimgħat, u għal darba oħra rringrazzja lil dawk kollha, mill-kbir saż-żgħir, għall-kompetenza professjonali u għad-dedikazzjoni eżemplari li bihom iddedikaw irwieħhom għal din il-ġlieda fl-interess ta’ saħħet il-poplu Malti u Għawdxi.

Il-President George Vella jixtieq jagħmilha ċara li l-ġlieda kontra l-virus għadha għaddejja, u dan l-awgurju u r-ringrazzjament mhux għal xogħol mitmum, imma biex nagħmlu kuraġġ lil xulxin u nippersistu, kif għamilna sa issa, biex inkunu kapaċi flimkien, fl-iqsar żmien possibbli, naslu biex inħallu dan l-episodju ikrah warajna, u nxammru biex nieħdu ħsieb nerġgħu nqajmu fuq saqajha l-ekonomija ta’ pajjiżna u nġibu lura għan-normal il-ħajja soċjali tagħna.

L-aħħar ħsieb tal-President kien f’dawk li sfaw vittmi ta’ din il-marda kiefra u fil-qraba u fl-għeżież tagħhom li ħallew warajhom.

Sport