Sunday, October 27, 2024

Il-President ifakkar lil dawk l-aktar batuti filwaqt li appella biex nibqgħu viġilanti għall-Covid-19

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fil-messaġġ tiegħu lejliet il-Milied, il-President tar-Repubblika George Vella beda biex jgħid li dan il-messaġġ ta’ kull sena jservi ta’ riflessjoni fuq dak li għaddejna minnu tul dawn l-aħħar xhur u dak li qed nippjanaw għall-ġejjieni.

Tkellem dwar is-sagrifiċċji kbar li ġabet magħha il-pandemija li nistgħu ngħidu li  ġarrabna ilkoll kemm aħna, b’ xi mod jew ieħor tul is-sena li għaddiet. Hawnhekk huwa rrimarka li jeħtieġ li nibqgħu nħarsu l-miżuri biex nibqgħu nieħdu ħsieb xulxin. Huwa ddeskriva l-fatt li pajjiżna għandu l-vaċċin bħala fortuna u li b’hekk jeħtieġ li napprofittaw minnha.

Tajjeb li nħarsu lura u nitgħallmu minn dak li għaddejna minnu, iżda huwa aktar importanti li nħarsu l‘quddiem b’tama u kuraġġ. 

Tkellem dwar id-diskors ta’ bejnietna u li jeħtieġ li dan iwassal biex nissaħħu u mhux ninfirdu u nxerrdu l-mibegħda.

“Jista’ jkun li bl-isfidi, u anki biża’, li ġabet  magħha il-pandemija ħarisna wisq lejn l-interessi immedjat tagħna, u ma konnix daqstant sensittivi lejn ħaddieħor. Forsi ftit inqisu x’effett se jkollu l-għemil tagħna fuq dak l-individwu jew grupp ta’ nies li nkunu qed nindirizzaw, fuq is-saħħa mentali tagħhom, u fuq familthom”, kompla Vella.

Tkellem dwar it-tolleranza u qal li l-kbar jeħtieġ ikunu ta’ eżempju għaż-żgħar. Ħadd minn dawn it-tfal innoċenti ma joqgħod lura milli jkellem lil ta’ hdejh għax barrani, għax ġej minn familja ta’ opinjoni politika li ma taqbilx ma tagħhom, jew għax jemmen f’reliġjon oħra, jew għax il-kulur tal-ġilda tiegħu huwa differenti. 

Huwa fakkar lill-morda u qawwielhom qalbhom u stedinhom jagħmlu kuraġġ speċjalment dawk li qegħdin jerfgħu r-responsabbilità li jduru bihom.

“Ma stajtx inwassal messaġġ ġenwin għal dawn il-Festi, jekk mhux wieħed iffukat fuq dawk, li minħabba ċirkostanzi ta’ mard, esklużjoni u diffikultajiet fil-ħajja, qajla jistgħu igwadu l-Milied kif wieħed jawgura u jixtieq”, kompla Vella.

Huwa temm l-indirizz tiegħu billi rrefera għall-barranin f’pajjiżna u filwaqt li awguralhom il-Milied it-tajjeb, stedinhom jibqgħu viġilanti minħabba l-firxa tal-pandemija. Fakkar li sfortunatament ir-restrizzjoni wasslu biex saħansitra huma kien hemm perjodi fejn kellhom jiġu mċaħħda milli jmorru lura f’pajjiżhom. Intant huwa rringrazzjahom tal-koperazzjoni tagħhom anke fil-programm tat-tilqim li wassal biex pajjiżna kien ta’ quddiem biex kiseb l-immunità u komplejna nħarsu lil xulxin.

Sport