Il-midja Iranjana ddikjarat lill-President Ebrahim Raisi mejjet. Dan wara li l-ħelikopter li kien qiegħed abbord fuqu lbieraħ ġġarraf. Minkejja dan, sa issa għad ma kien hemm l-ebda konferma uffiċjali.
L-aġenzija tal-midja, magħrufa bħala Mehr qalet; “Il-president tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran, Ebrahim Raisi, kellu inċident waqt li kien qed jaqdi dmiru għall-poplu tal-Iran u spiċċa martri”.
Intant, ilbieraħ it-televiżjoni tal-istat Iranjan kien irrapporta li ħelikopter li kien qed iġorr lil Raisi kien involut f’inċident fir-reġjun ta’ Jolfa fil-provinċja tal-Lvant tal-Ażerbajġan fost kundizzjonijiet ħżiena tat-temp.
L-inċident seħħ fiż-żona tal-foresta protetta muntanjuża ta’ Dizmar qrib il-belt ta’ Varzaghan. Stazzjon televiżiv ieħor kien irrapporta li ma kien hemm “l-ebda sinjali” ta’ ħajja fost il-passiġġieri.
Ilbieraħ filgħaxija: Tfittxija għal ħelikopter li fuqu kien hemm il-President Iranjan
Il-ħaddiema tas-salvataġġ jinsabu għaddejjin bi ġlieda kontra l-ħin biex isibu l-helikopter li abbord fuqu kien hemm il-President Iranjan Ebrahim Raisi.
Il-helikopter kien wieħed minn tlieta li kienu qegħdin jeskortaw lill-President. Abbord fuqu kien hemm ukoll il-Ministru tal-affarijiet Barranin Hossein Amirabdollahian kif ukoll diverei uffiċjali tal-Gvern.
Aktar ma beda għaddej il-ħin kompla jiżdied it-tħassib dwar kemm il-President Iranjan jista’ jinstab ħaj.
Fi tfittxija ngħaqdu wkoll il-forzi tal-ordni bi sforz li l-helikopter jinstab u l-President ikun jista’ jibda jingħata l-għajnuna.
Il-helikopter iġġarraf waqt li kien għaddej minn fuq il-muntanji u kien hemm ċpar qawwi. Il-President kien għadu kemm żar l-Azerbaijan flimkien ma’ uffiċjali tal-Gvern.
Il-haddiema tal-Protezzjoni ċivili għandhom indikazzjoni fejn se ta ġġarraf Il-helikopter, iżda hu ferm diffiċli biex jaslu fuq il-post.