Monday, May 13, 2024

Il-President Irlandiż f’Malta

Diskussi kwistjonijiet ta’ importanza bilaterali, Ewropej u anke internazzjonali

Aqra wkoll

Fil-Palazz ta’ San Anton, Ħ’Attard, dalgħodu saret iċ-ċerimonja uffiċjali ta’ merħba fil-bidu taż-żjara statali tal-President tal-Irlanda, Michael D. Higgins. 

Wara ċ-ċerimonja, saret laqgħa uffiċjali bejn il-President ta’ Malta George Vella u l-President Irlandiż, kif ukoll saru skambji ta’ rigali bejn iż-żewġ Kapijiet ta’ Stati.

Il-President Higgins u l-President Vella wara li saru skambji ta’ rigali. Ritratt: Omar Camilleri

Il-President Vella ppreżenta l-Kantilena ta’ Pietru Caxaru — li tmur lura għas-seklu 15 u hija meqjusa bħala l-eqdem test letterarju magħruf bil-lingwa Maltija, lill-President Higgins. Dan tal-aħħar ippreżenta lill-President George Vella biċċa xogħol tal-arti ispirata mill-kosta tal-Punent tal-Irlanda. 

Waqt it-taħditiet ta’ bejniethom fil-Palazz ta’ San Anton, ġew diskussi kwistjonijiet ta’ importanza bilaterali, Ewropej u anke internazzjonali. Il-gwerra fl-Ukrajna, il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, l-iżviluppi fir-reġjun Mediterranju u kwistjonijiet globali bħat-tibdil fil-klima u l-migrazzjoni irregolari, kienu suġġetti prominenti fl-iskambji li saru. 

Il-President Higgens (fuq ix-xellug) u l-President Vella (fuq il-lemin) waqt il-laqgħa uffiċjali. Ritratt: Omar Camilleri

Ġiet diskussa wkoll il-kooperazzjoni fin-Nazzjonijiet Uniti fejn l-Irlanda bħalissa għandha Siġġu mhux Permanenti fil-Kunsill tas-Sigurtà, hekk kif Malta qed tħejji biex tikseb tali siġġu għat-terminu 2023-2024.

Waranofsinhar imbagħad sar it-tqegħid tal-fjuri biswit il-monument tal-Gwerra fil-Furjana. Aktar tard illum, il-President Irlandiż iltaqa’ b’mod formali mal-Prim Ministru Robert Abela, l-Ispeaker Anġlu Farrugia u l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech. 

Il-President Irlandiż waqt it-tqegħid tal-fjuri biswit il-monument tal-Gwerra fil-Furjana

Il-President Irlandiż għada mistenni jżur il-Konkatidral ta’ San Ġwann, Pjazza Kastilja u l-Barrakka ta’ Fuq, filwaqt li s-Sibt li ġej se jżur it-Tempji ta’ Ħaġar Qim fil-Qrendi.

Sport