Saturday, December 21, 2024

Il-President iwissi li l-ambjent naturali mhux riżorsa infinita

Aqra wkoll

Il-President ta’ Malta, George Vella, esprima tama li naslu f’punt fejn ilkoll kemm aħna nifhmu li l-ambjent naturali huwa riżorsa minnu nnifsu; riżorsa li mhix infinita. Meta kien qed jitkellem waqt iċ-ċerimonja tal-għoti tal-Premju Buonamico 2021, organizzata mill-Awtorità għar-Riżorsi u l-Ambjent (l-ERA) fil-Palazz ta’ Sant’Anton taħt il-patroċinju tiegħu, il-President wissa li, jekk ma nibżgħux għall-ambjent naturali, għada pitgħada se jkunu wliedna u t-tfal tat-tfal tagħna li se jbatu l-konsegwenzi ta’ għemilna.

Il-Premju Buonamico kull sena jagħti ġieħ lil dawk li mill-azzjonijiet u mill-kisbiet tagħhom igawdu l-bijodiversità u l-ambjent tagħna.

Filwaqt li esprima x-xewqa tiegħu li dejjem naġixxu ta’ gwardjani għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin, il-President għal darb’oħra enfasizza l-ħtieġa li l-iżvilupp li nwettqu jkun sostenibbli. L-edukazzjoni kontinwa, miż-żgħar sal-kbar, dwar dan hija mezz ewlieni sabiex ikompli jitkattar l-għarfien u nitgħallmu ngħixu f’armonija mal-ambjent naturali li jdawwarna. Fakkar li minħabba r-restrizzjonijiet tal-pandemija tal-Covid-19, rajna b’mod ċar ħafna li, fejn waqfet l-attività aggressiva tal-bniedem, in-natura bdiet tieħu r-ruħ u bdiet tirriġenera lilha nnifisha. Sirna napprezzaw mhux ftit l-ambjent naturali tagħna, li kien l-uniku żvog li kellna waqt ir-restrizzjonijiet. “Ta’ min, għalhekk, jieħu ħsieb li dan il-wirt imprezzabbli li għandna ma jkomplix jitnaqqar u ma jkomplix sejjer għall-agħar. Nitħasseb mhux ftit meta nisma’ li l-art agrikola qed tinxtara minn familji biex isservi ta’ art għar-rikreazzjoni. X’inhuma r-raġunijiet u l-implikazzjonijiet ta’ dan għad irridu naraw”.

Il-President feraħ lill-ERA talli għal sena oħra qed torganizza l-Premju Buonamico biex jintwera apprezzament lil żewġ persuni li ddistingwew ruħhom fil-qasam tar-riċerka, il-protezzjoni u r-riabilitazzjoni tal-ambjent naturali ta’ pajjiżna. Feraħ ukoll lir-rebbieħa ta’ din is-sena, Costantino Mifsud, li bis-saħħa tar-riċerka estiża tiegħu qed jagħti kontribut kbir fil-qasam tat-tassonomija f’pajjiżna, u Louis Vella, li ta kontribut siewi ħafna fejn jidħlu strateġiji nazzjonali varji dwar it-tniġġis, speċjalment it-tniġġis tal-arja kif ukoll it-tniġġis u l-iskart perikoluż prodott mill-industrija.

“Kemm is-Sur Vella kif ukoll is-Sur Mifsud ħadmu f’oqsma fejn is-suġġett tar-riċerka jew ix-xogħol tagħhom huwa kważi moħbi minn għajn in-nies. Dan ma jfissirx li ma jeżistix jew li mhux importanti.  Anzi, ħafna drabi kienu pijunieri li taw għarfien dwar il-wirt naturali tagħna. Kellhom rwol vitali li jqajmu kuxjenza dwar il-ħsara tal-impatt negattiv li t-tniġġis tal-ambjent jikkawża kemm fuq il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini kif ukoll fuq il-wirt naturali ta’ pajjiżna,” qal il-President.

Minħabba li Louis Vella ma setax ikun preżenti, il-premju tiegħu ġie ppreżentat lil qarib tiegħu.

Intant, għal din l-okkażjoni, l-ERA għamlet donazzjoni b’risq The Malta Community Chest Fund Foundation.

Ekonomija

Sport