Tuesday, December 24, 2024

Il-President jappella għal waqfien malajr mill-ġlied u biex jinstabu soluzzjonijiet għall-gwerra fl-Ukrajna

Aqra wkoll

Malta qed tospita t-tieni edizzjoni tal-Forum Dinji għal Kultura ta’ Paċi ‘Leadership for Just Peace’ taħt l-awspiċji tal-President George Vella u l-Abdulaziz Saud Albabtain Foundation.

Matul is-sessjoni ta’ ftuħ, il-President irrefera għall-gwerra li għaddejja fl-Ukrajna u qal li d-dinja qed tara attakk atroċi fuq il-kunċetti kollha ta’ demokrazija, stabbilità, sovranità u integrità territorjali. Filwaqt li enfasizza l-fatt li d-dinja qed tara li l-ftehimiet u l-istituzzjonijiet internazzjonali qegħdin jiġu injorati għalkollox, il-President appella għal waqfien malajr mill-ġlied, u l-bidu mill-ġdid ta’ diskussjonijiet biex jinstabu soluzzjonijiet diplomatiċi. Saħaq li t-traġedja umanitarja li qed tiżvolġi quddiem għajnejna fl-Ukrajna hija inaċċettabbli.

Il-President qal li ma nistgħux niksbu paċi ġusta jekk għadna ngħixu f’dinja ta’ inugwaljanzi, kbar jew żgħar, u żied jgħid li l-passiviżmu huwa perikoluż ukoll.

Fost l-oqsma li jeħtieġ li jiġu indirizzati sabiex ikollna l-paċi, il-President Vella semma t-tisħiħ tar-rwol tan-nisa u l-bniet fl-aspetti kollha tal-ħajja; l-għoti ta’ vuċi liż-żgħażagħ; ir-rispett tat-twemmin differenti; l-attenzjoni għat-tibdil fil-klima; u l-kontrolli fuq id-distribuzzjoni ta’ armi ħfief u ta’ kalibru żgħir.

Il-parteċipanti għandhom l-għan li matul dan il-forum, li huwa maqsum fuq jumejn, jesploraw u jġeddu l-mekkaniżmi istituzzjonali, il-programmi edukattivi, u l-għodod għall-iżvilupp ta’ kompetenzi ta’ tmexxija biex jinkisbu paċi ġusta u stabbilità sostenibbli għall-popli.

Abdul Aziz Saud Albabtain, Chairman tal-Abdulaziz Saud Albabtain Cultural Foundation, li qed torganizza dan il-forum, qal li l-paċi ġusta tista’ tinkiseb bil-parteċipazzjoni tal-mexxejja tad-dinja u l-istituzzjonijiet fil-livell internazzjonali.

L-ewwel sessjoni, ippreseduta mill-President Vella, iffokat fuq l-irwol tal-mexxejja tad-dinja. Din kienet indirizzata mill-President tal-Albanija Ilir Meta, il-President tar-Repubblika tal-Kosovo Vjosa Osmani, u l-Ex President tal-Kroazja Stjepan Mesić. Ilkoll enfasizzaw il-qawwa tad-djalogu, u li l-paċi rridu nibżgħu għaliha.

Il-forum kien indirizzat ukoll mis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti Antonio Guterres, il-President tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti Abdallah Shahid, u l-Ispeaker tal-Assemblea Nazzjonali tal-Kuwajt Marzouq Al-Ghanim.

Ekonomija

Sport