Sunday, December 22, 2024

Il-president Portugiż jgħid li pajjiżu għandu jħallas għad-delitti tal-kolonjaliżmu

Aqra wkoll

Il-President tal-Portugall Marcelo Rebelo de Sousa b’sorpriża ddikjara li pajjiżu jeħtieġ li jħallas l-ispejjeż tal-iskjavitù u delitti oħra tal-era kolonjali. Dikjarazzjoni bħal din hija każ rari ta’ mexxej Ewropew li jidher li jappoġġja l-ħtieġa ta’ riparazzjonijiet lil dawk li sofrew mill-iskjavitu u l-kolonjaliżmu.

Il-Portugall ilu jiffaċċja sejħiet minn kampanji biex jiġi ndirizzat il-wirt tiegħu bħala l-pajjiż Ewropew bl-itwal involviment storiku fil-kummerċ tal-iskjavi. Matul il-medda ta’ erba’ sekli, kważi 6 miljun Afrikan ġew maħtufa u ttrasportati bil-forza madwar l-Atlantiku minn bastimenti Portugiżi.

Dawk li rnexxielhom jgħixu l-vjaġġ kienu skjavi u sfurzati jaħdmu fuq pjantaġġuni fl-Ameriki, l-aktar fil-Brażil, filwaqt li l-Portugall u l-istituzzjonijiet tiegħu approfittaw mix-xogħol tagħhom.

Il-President Marcelo Rebelo de Sousa, qal lill-ġurnalisti barranin nhar it-Tlieta li l-Portugall jieħu r-responsabbiltà sħiħa għall-ħażin tal-passat u li dawk ir-reati, inklużi massakri kolonjali, kellhom spiża u l-Portugall għandu jħallas dawn l-ispejjeż.

“Hemm azzjonijiet li ma ġewx ikkastigati u dawk responsabbli ma ġewx arrestati. Hemm oġġetti li ġew misruqa u mhux ritornati. Ejja naraw kif nistgħu nsewwu dan.” sostna de Sousa.

Ir-rimarki saru sena wara li Rebelo de Sousa qal li l-Portugall għandu jiskuża ruħu u jassumi r-responsabbiltà għar-rwol tiegħu fil-kummerċ transatlantiku tal-iskjavi, għalkemm ma pprovdiex xi dettalji konkreti jew apoloġija sħiħa.

Fiż-żewġ każijiet, ir-rimarki tal-president saru primarjament lil udjenzi internazzjonali. Iżda kien hemm mikn sostna li wara din l-istrateġija internazzjonali hemm in-nuqqas ta’ rikonoxximent nazzjonali li dan is-suġġett għandu jiġi diskuss.

Iżda fuq naħa oħra, hemm min li ħeġġeġ biex it-tfal jiġu mgħallma fl-iskejjel li l-Portugall kien kolonizzatur eċċellenti, kien il-pajjiż li skopra’ pajjiżi oħra u li n-nies Portugiżi huma tant uniċi li tħalltu ma’ kulturi differenti bħallikieku ma seħħ l-ebda rregolarita.

Paula Cardoso, il-fundatriċi tal-pjattaforma online Afrolink għall-professjonisti suwed fil-Portugall qalet li hemm bżonn ukoll ta’ azzjonijiet prattiċi biex jiġi miġġieled ir-razziżmu sistemiku u strutturali li nqala’ u li kompla jagħti l-kulur lill-pajjiż illum.

Volker Turk, il-Kummissarju għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti il-ġimgħa li għaddiet waqt forum tan-NU dwar nies ta’ dixxendenza Afrikana żied il-vuċi tiegħu mal-pajjiżi Afrikani u tal-Karibew u sejjaħ biex isiru emendi dwar l-iskjavitù u l-kolonizzazzjoni.

Bejn is-sekli 15 u 19, mill-inqas 12.5 miljun Afrikan ġew maħtufa u mjassra u ttrasportati bil-forza distanzi twal minn bastimenti u negozjanti prinċipalment Ewropej.

Il-mexxejja Ewropej fil-biċċa l-kbira fittxew li jżommu lura milli jindirizzaw b’mod sinifikanti s-sejħa għal riparazzjonijiet. Meta l-gvern fil-Pajjiżi l-Baxxi (l-Olanda, l-Belġju u l-Lussemburgu) fl-2022 skuża ruħu għar-rwol tiegħu fil-kummerċ transatlantiku tal-iskjavi, qal li fond ta’ €200miljun biex jindirizza dan il-passat mhux se jintuża biex jikkumpensa lid-dixxendenti iżda minflok jintefaq fuq inizjattivi bħall-edukazzjoni u l-indirizzar tal-impatti tal-lum tal-iskjavitù.

Waqt li tkellem mal-ġurnalisti nhar it-Tlieta, Rebelo de Sousa qal li wieħed jirrikonoxxi l-passat u jieħu r-responsabbiltà tiegħu huwa aktar importanti milli jitlob skuża.

Ekonomija

Sport