Il-President tal-Brażil, is-soċjalista Luiz Inácio Lula da Silva rebaħ ir-raba’ mandat elettorali tiegħu, wara li għeleb lill-avversarju tal-lemin, Flávio Bolsonaro. Lula da Silva kiseb din ir-rebħa sorpriża bi ftit inqas minn 52% tal-voti fit-tieni rawnd, wara li l-kandidat tal-lemin Flavio Bolsonaro kien rebaħ l-ewwel rawnd tal-elezzjoni ftit tal-ġimgħat ilu.
Luiz Inácio Lula da Silva li diġà serva bħala president tliet darbiet, meta beda t-tielet mandat tiegħu fl-2023, kien wiegħed li dan kien se jkun l-aħħar mandat għalih, madankollu, din is-sena l-partit tiegħu reġa’ nnominah bħala l-kandidat tiegħu, minkejja li hu se jagħlaq 81 sena jumejn wara l-elezzjoni.
Anke dawk li jappoġġjaw il-partit tiegħu jammettu li huwa wettaq aktar matul l-ewwel żewġ mandati tiegħu – minn Jannar 2003 sa Diċembru 2010 – milli għamel f’dawn l-aħħar erba’ snin fil-poter.
Huwa iżda kiseb tifħir kbir talli għen lil miljuni ta’ nies joħorġu mill-faqar li kienu fiħ permezz ta’ programm ta’ għajnuna finanzjarja msejjaħ Bolsa Família, u meta temm il-mandat tiegħu fl-1 ta’ Jannar 2011, huwa kellu livell ta’ approvazzjoni rekord ta’ aktar minn 80%.
Il-karriera politika tiegħu iżda ġarrbet daqqiet kbar u serji fis-snin ta’ wara meta huwa nstab ħati ta’ korruzzjoni u ntbagħat il-ħabs għal aktar minn 18-il xahar. Dawk il-kundanni ġew annullati fl-2021, u b’hekk Lula seta’ jikkontesta għall-presidenza fl-elezzjoni tal-2022, li fiha għeleb lil Jair Bolsonaro.
M’hemmx dubju li huwa jibqa’ figura prominenti fix-xellug politiku tal-Brażil. Iżda filwaqt li s-sostenituri tiegħu qabel l-elezzjoni tal-2022, iddeskrivewh bħala s-“salvatur tal-Amażonja” u faħħru l-impenn tiegħu biex jipproteġi s-siġar u l-foresta tropikali, xi ambjentalisti kkritikaw uħud mill-azzjonijiet reċenti tiegħu.
B’mod partikolari, l-appoġġ tiegħu biex isir tħaffir esploratorju għaż-żejt fl-ibħra ’l barra mill-kosta, qrib l-estwarju tal-Amażonja, qajjem kritika kbira.
Lula ħafna drabi jisħaq li jibqa’ impenjat bis-sħiħ biex gradwalment jeħles lill-pajjiż mill-fjuwils fossili. Huwa jargumenta wkoll li d-dħul miż-żejt huwa kruċjali biex jiġi ffinanzjat it-tranżizzjoni tal-Brażil lejn enerġija nadifa.




