Il-President tal-Kumitat Olimpiku Malti (MOC) Julian Pace Bonello ġie appuntat bħala membru fil-Kumitat Internazzjonali tal-Logħob tal-Mediterran (ICMG). Din il-ħatra ġiet fis-seħħ aktar kmieni din il-ġimgħa waqt il-laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv tal-ICMG, li saret f’Ateni.
In-nomina segwiet l-inizjattiva tal-President tal-ICMG, is-Sur Davide Tizzano, li bi qbil unanimu tal-Kumitat Eżekuttiv ippropona l-ħatra, skont id-dispożizzjonijiet taċ-Charter tal-ICMG.
Il-KOM u l-ICMG ilhom snin ħadmu lejn il-promozzjoni tal-isport u l-olimpiżmu u l-ideali u l-valuri li jħaddnu fost il-pajjiżi tal-Mediterran.
“Onorat li ngħatajt din il-ħatra. Il-Kumitat Olimpiku Malti kellu rwol importanti fir-reġjun tal-Mediterran, u permezz ta’ din il-ħatra se nkomplu naħdmu mill-qrib mal-ġirien tagħna fl-interess tal-iżvilupp tal-isport” irrimarka Pace Bonello.
Il-ħatra se tkun għal perjodu ta’ erba’ snin sal-2025.