Thursday, December 26, 2024

Il-President tal-MUMN jiġġustifika l-azzjonijiet li ħadu

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Paul Pace jgħid li hemm min hu egoist u ma jarax l-interessi tal-infermieri

Il-President tal-Unjin tal-Qwiebel u l-Infermieri (MUMN) Paul Pace irrimarka li d-direttiva li taw lill-infermieri biex ma jagħtux it-tilqima tal-influwenza lill-anzjani ma tteħditx mil-lum għall-għada imma parti minn direttivi li kienu ilhom fis-seħħ diversi ġimgħat fuq diżgwid mal-awtoritajiet li ilhom is-snin.

It-Tnejn l-MUMN u l-awtoritajiet tas-saħħa kellhom laqgħa bejniethom li wasslet għal qbil dwar it-talbiet li kienet qed tagħmel l-unjin. B’konsegwenza t’hekk l-unjin irtirat id-direttivi li kienet qed tieħu fosthom li ma tagħtix it-tilqima tal-influwenza li bdiet tiġi offruta minn nhar il-Ħadd.

Kien bosta dawk l-anzjani li esprimew ir-rabja għall-fatt li ma setgħux jieħdu t-tilqima b’Pace jagħmilha ċara magħna li t-tilwima kienet ilha għaddejja u sfortunatment kellhom jieħdu l-azzjonijiet biex jieħdu dak li hu tagħhom.

Huwa sostna li d-diżgwid kien dwar l-allowance fuq l-ikel u s-siegħat f’leave li għandhom jingħataw il-membri tagħhom għal festi li jaħbtu fi tmiem il-ġimgħa.

Dwar l-ewwel kwistjoni qalilna li l-infermieri ilhom is-snin jingħataw allowance għall-ikel imma għal xi raġuni dawk fiċ-ċentri tas-saħħa ma kienux qed jingħatalhom.

Fuq il-kwistjoni tal-leave Pace beda biex irrikonoxxa li l-Gvern Laburista reġa’ beda jagħti ġurnata leave għal festi pubbliċi li jaħbtu fi tmiem il-ġimgħa li kien neħħa l-Gvern Nazzjonalista madankollu waqt li ħaddiema oħra kienu qed jingħataw tmien sigħat, għax daqshekk jaħdmu fil-ġurnata, huma talbu li jingħataw it-12-il siegħa tal-ġurnata xogħol tagħhom.

Minħabba dawn iż-żewġ kwistjonijiet l-MUMN tat azzjoni ta’ tilwima industrijali u fl-aħħar ġimgħat tat bidu għal diversi direttivi fosthom li disa’ ċentri tas-saħħa ma jeħdux id-demm għat-testijiet.

Il-President tal-MUMN irrikonoxxa l-ftehim milħuq mal-awtoritajiet nhar it-Tnejn imma sostna li jħoss li f’pajjiżna unjin trid tieħu l-azzjonijiet biex tieħu dak li huwa tagħha.

Huwa ċaħad li bir-rifjut li jagħtu t-tilqima tal-influwenza kienu qed jagħmlu l-arja mal-vulnerabbli u lmenta li fis-soċjetża hawn nies egoisti li sakemm jinqdew huma ma jagħtux każ tat-tbatijiet li jkunu għaddejjin minnha nies oħra.

Ekonomija

Sport