Thursday, December 26, 2024

Il-President Ukren iħeġġeġ lis-suldati Russi biex iċedu

Aqra wkoll

Il-President Ukren Volodymyr Zelensky ħeġġeġ lis-suldati Russi biex iċedu. Fl-indirizz televiżiv li jagħmel kull filgħaxija, Zelensky qal li l-forzi Russi qegħdin isofru l-ikbar tel­fiet f’din l-invażjoni, telfiet li huma ikbar minn dawk li kien hemm fil-kunflitt ġewwa ċ-Chechnya. Huwa tenna li r-Russji diġà bdew jifhmu li huma mhu se jiksbu xejn b’din il-gwerra. 

F’indirezz dirett lis-suldati Russi, Zelensky qal li, “jiena naf li intom tridu tgħixu” filwaqt li tenna li dawk li jċedu se jkunu trattati ta’ nies u b’mod diċenti. 

Il-President Russu kellu wkoll kliem ta’ tifħir għal Marina Ovsyannikova, il-mara li interroppiet l-aħbarijiet fuq l-istazzjon televiżiv tal-istat Russu u wriet kartellun b’messaġġi kontra din il-gwerra. Għal dan Zelensky qal li huwa “jinsab grat lejn dawk ir-Russi li ma waqqfu qatt ixerrdu l-verità u li qed jiġġieldu l-informazzjoni qarrieqa.” 

Fid-diskors tiegħu, b’indirezz dirett lejn is-suldati Russi, Zelensky qal li, “aħna ninterċettaw u nisimgħu dak li tgħidu bejnietkom u nafu dwar dak li intom verament taħsbu dwar din il-gwerra bla sens, dwar din id-diżgrazza u dwar l-istat tagħkom.” Kien hawn li huwa offrielhom għażla f’isem il-poplu Ukrejn u qalilhom li, “jekk iċċedu għall-forzi tagħna, aħna nittrattawkom kif hu diċenti li n-nies għandhom jiġu trattati… b’mod li intom ma kontux trattati mill-armata tagħkom stess, b’mod li l-armata tagħkom ma tittrattatx lil tagħna… agħżlu!”

Ekonomija

Sport