Friday, December 13, 2024

Il-President Vella jżur il-Palazz tal-Belt

Aqra wkoll

Il-President ta’ Malta George Vella, akkumpanjat minn grupp ta’ studenti tas-sitt sena mill-iskola primarja tal-Belt Valletta – Kulleġġ San Ġorġ Preca, żar il-Palazz Presidenzjali fil-Belt Valletta.

Il-Perit David Zahra u l-Kuratur Emmanuel Magro Conti spjegaw lill-President Vella u lill-istudenti dwar ix-xogħlijiet ta’ restawr li saru fil-Palazz fl-aħħar erba’ snin u nofs u li ħafna minnhom issa tlestew. F’kelmtejn waqt din iż-żjara, il-President innota l-ġmiel tal-Palazz li ħareġ fid-deher permezz ta’ dawn ix-xogħlijiet, b’mod partikolari l-Armerija, li issa tinsab fil-post oriġinali tagħha fil-Palazz.

Il-President u l-istudenti żaru għall-ewwel darba s-swali awdjoviżivi li se jkunu qed jieħdu lill-viżitaturi fi vjaġġ tul l-450 sena ta’ storja tal-Palazz tal-Belt minn żmien il-Kavallieri sal-lum il-ġurnata.

Għal din iż-żjara kienu preżenti wkoll Mario Cutajar, Chairman ta’ Heritage Malta, u Noel Zammit, Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta.

Il-President Vella qed jistieden lill-pubbliku biex nhar it-Tlieta 26 ta’ Diċembru, iżur il-Palazz tal-Gran Mastru fil-Belt Valletta li se jkun miftuħ għall-pubbliku biex igawdi s-sbuħija tiegħu issa li x-xogħlijiet qed joqorbu lejn tmiemhom. F’din l-attività, il-pubbliku se jkollu wkoll l-opportunità unika li jżur l-uffiċċju tal-President fi ħdan dan il-Palazz.

Il-Palazz tal-Gran Mastru se jkun miftuħ bejn l-10:00 u s-18:00. Id-dħul kollu minn dan l-avveniment se jmur għal The Malta Community Chest Fund.

Ekonomija

Sport