Friday, April 19, 2024

IL-PRESTAZZJONI TA’ ZELENSKYY

Aqra wkoll

Ħafna ħasbu li l-Ukrajna kienet ser taqa’ mil-lum għal għada wara l-invażjoni ta’ Putin. Huwa ċar li din jaf kienet waħda mill-premessi li wasslet għall-invażjoni nnifisha, anke għaliex Putin innifsu għamel appelli lill-Ukreni stess biex jiħduha kontra l-Gvern tagħhom.

Wieħed jista’ jargumenta li minħabba li fil-Lvant tal-Ukrajna għandek ħafna nies li jitkellmu r-Russu, u wħud li jidentifikaw ukoll mar-Russja, allura Putin ħass li dawn in-nies kapaċi jgħinu lir-Russja fil-mixja tagħha biex tirbaħ il-pajjiż. Madanakollu jidher li Putin kien żbaljat. Assuma li l-President Ukren Zelenskyy kien ser jaħrab u jiġi evakwat. Minflok, Zelenskyy baqa’ Kyiv, u baqa’ jinkoraġġixxi l-poplu tiegħu jiġġieled l-invażjoni Russa. Meta ngħata l-possibiltà li jaħrab mill-Amerikani, qalilhom: Jien ammunizzjoni għandi bżonn mhux titjira!


Dan apparti l-fatt li l-videos li baqa’ jieħu minn madwar Kyiv, komplew isostnu l-poplu Ukren. La l-President baqa’ jiġġieled, mela hekk nagħmlu aħna, kien hemm min qal. Fabbriki sħaħ tal-alkoħol dawru l-produzzjoni tagħhom għall-molotvs jew dawk li bl-Ingliż insejħulhom petrol bombs. Min ma jistax jiġġieled, ukoll spiċċa jgħin f’dan ir-rigward. Forsi Putin ħaseb li kien hemm Ukreni li kienu ser jilqgħu l-armata Russa u jifirxula t-tapit l-aħmar. Minflok firxula n-nar.


Għal ħafna żmien, l-Ukrajna baqgħet pajjiż sa ċertu punt maqsum…b’żewġ identitajiet. Bl-invażjoni ta’ Putin, madanakollu, huwa ċar li Zelenskyy qiegħed jirnexxilu jibni identità komuni għall-Ukreni kollha…kemm dawk li jitkellmu r-Russu, u anke dawk li jitkellmu l-Ukren. L-ironija hija li kieku ma kienx hemm din il-kwistjoni ta’ żewġ identitajiet, niddubita kemm Putin kien jinvadi. Grazzi għall-prestazzjoni ta’ Zelenskyy, anke jekk Putin jirnexxilu jieħu l-pajjiż, jidher li ser ikollu problema kbira ħafna biex iżommu fit-tul.

Ċaqliq fit-Turkija

Din il-ġimgħa wkoll ġie ffirmat qbil bejn il-Partiti tal-Oppożizzjoni fit-Turkija: qbil ta’ koalizzjoni kontra Erdogan u l-Partit tiegħu. Fost il-Partiti li ffirmaw dan il-qbil, wieħed isib il-CHP (l-akbar Partit tal-oppożizzjoni), l-IYI Parti, u saħansitra anke l-Partiti tal-ex Prim Ministru t’Erdogan Ahmet Davutoglu, u l-ex Deputat Prim Ministru t’Erdogan u Ministru tal-Affarijiet Barranin Ali Babacan. 


Assenti minn dan il-patt kien il-HDP, il-Partit tal-Kurdi li l-inklużjoni tiegħu setgħet tfisser li l-alleanza titlef numru ta’ voti minn Torok ċentristi u tal-lemin. Madanakollu, huwa diffiċli ħafna li wieħed ma jimmaġinax li l-voti tal-HDP mhux ser imorru għall-alleanza tal-Oppożizzjoni, jekk fir-run off tal-elezzjoni Presidenzjali jkun hemm kandidat tal-alleanza u Erdogan.

Għal din l-elezzjoni, Erdogan jinsab vulnerabbli ħafna. Għall-ewwel darba għandu oppożizzjoni magħquda u b’saħħitha. Il-valur tal-lira Torka mar il-baħar, u l-inflazzjoni telgħet ġmielha, xi ħaġa li qed tkompli tgħakkes lill-poplu Tork. Fejn sa 10 snin ilu persuna kien jaqla’ paga ta’ pereżempju 2000 ewro f’lira Torka, illum, jekk il-paga baqgħet l-istess f’termini ta’ lira, ir-rati ta’ skambju jfissru li l-valur f’ewro jkun niżel għal 333 ewro: xi ħaġa li wasslet ukoll għal prezzijiet ogħla fuq affarijiet impurtati.


Ma tantx għandu sitwazzjoni sabiħa quddiemu Erdogan. Madanakollu, kollox jiddependi fuq min ser ikun il-kandidat prinċipali ta’ kontrih. Huwa ċar li s-Sindku t’Istanbul (Ekrem Imamoglu), u dak ta’ Ankara (Mansur Yavas), huma l-aktar kandidati b’saħħithom kontra Erdogan. Biss hemm għajdut li l-Mexxej tal-CHP Kemal Kilicdaroglu jrid ikun hu li joħroġ kontra Erdogan.


Jekk dawn l-għajdut humiex minnhom jew le, ma nafx. Li hu żgur hu li jekk il-CHP u l-bqija tal-oppożizzjoni ma jibagħtux wieħed mill-aktar kandidati b’saħħithom, ikunu qed jagħmlu żball papali għax opportunitajiet bħal dawn jiġu darba f’mitt qamar. Iċ-ċans għall-bidla hemm qiegħed. Sta għall-oppożizzjoni Torka li tieħdu bl-aktar mod effettiv.

Sport