Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Glenn Bedingfield iċċara l-fatti dwar dak li ġara fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Huwa saħaq li qed tingħata l-impressjoni li xi priġunier daħħal laptop bil-moħbi. “Dan mhux minnu. U min qed jallega hekk mhux jgħid il-verità.
Il-laptop inkwistjoni ma ddaħħalx il-ħabs b’mod klandestin,” qal il-Ministru Bedingfield. Huwa kompla jispjega li l-priġunier fil-każ ingħata permess li juża laptop mingħajr internet lura f’Mejju ta’ sentejn ilu wara bosta talbiet li kienu saru lill-ħabs u anke quddiem il-Qrati tal-Ġustizzja.
“Sa issa nafu li kien hemm użu irregolari ta’ laptop billi tqabbad mal-internet. Il-priġunier inqabad għax l-uffiċjali tal-ħabs għamlu xogħolhom, indunaw u l-awtoritajiet tal-ħabs ħadu azzjoni. Ta’ dan nirringrazzjahom,” qal il-Ministru Bedingfield. “Min jikser ir-regolamenti jiġi kkastigat u investigat. Aħna ma nħarsu lejn wiċċ ħadd.”
Huwa żied jgħid li issa jridu jiġu stabbiliti l-fatti kollha. Kien għalhekk li ħatar minnufih inkjesta interna mmexxija mill-Imħallef Emeritu Antonio Mizzi biex jistabbilixxi l-fatti kollha u jirrakkomanda dak li hemm bżonn.
“L-Imħallef ingħata 30 ġurnata biex jirrapporta lura. Meta l-inkjesta tkun magħluqa ma jkun hemm xejn li jwaqqaf milli jittieħdu kwalunkwe deċiżjonijiet jew azzjonijiet ulterjuri li jkunu meħtieġa li jittieħdu minn kull awtorità eżekuttiva,” tenna l-Ministru Bedingfield.

