Friday, June 19, 2026

Imut Igor Protti wara marda twila fl-età ta’ 58 sena

Aqra wkoll

Il-futbol Taljan jinsab f’luttu hekk kif tħabbret il-mewt tal-eks attakkant Igor Protti wara marda twila fl-età ta’ 58 sena.

Protti kien ilu jiġġieled kontra l-kanċer tal-imsaren għal diversi xhur u l-ġlieda tiegħu ġibdet l-ammirazzjoni tal-fraternità kollha tal-futbol fl-Italja.

L-eks attakkant kien ħabbar il-marda tiegħu f’Ġunju tas-sena l-oħra, u ftit xhur wara kkonferma li l-kundizzjoni saħħitha kienet sejra għall-agħar, u nhar il-Ġimgħa filgħodu, il-familja tiegħu ħabbret li kien miet.

“B’dispjaċir kbir il-familja tħabbar li lbieraħ filgħaxija, Igor ħalliena,” qalet l-istqarrija.

“Ried iħallilkom dan l-aħħar tislima li ridna naqsmu: “Dan il-vjaġġ mill-isbaħ, bħal kull logħba, wasal sal-aħħar silta. Huwa diffiċli li ssib kliem li jista’ jiddeskrivih. L-unika ħaġa li nista’ nagħmel hija li nirringrazzja lill-familja kbira u sabiħa tiegħi li tant ħabbitni.”

“Il-persuni kollha li ħabbewni u baqgħu qrib tiegħi, u nirringrazzja lill-partitarji kollha tal-klabbs fejn lgħabt għall-imħabba li wrew lejja li dejjem ippruvajt nirreċiproka.”

Protti kien iddebutta mal-klabb ta’ belt twelidu, Rimini, qabel ma ngħaqad ma’ Messina fejn lagħab hemm għal tliet snin.

Protti għamel isem għalih innifsu ma’ Bari fejn irnexxielu jirbaħ it-titlu tal-aqwa skorer tal-kampjonat minkejja l-fatt li l-klabb tiegħu kien relegat. Imbagħad mar jilgħab ma’ Lazio fejn rebaħ is-Super Coppa Italiana.

Lejn tmiem il-karriera tiegħu mar jilgħab ma’ Livorno fejn ifforma sħubija fl-attakk ma’ Dario Hubner qabel ma ħalla l-klabb fl-2003.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport