F’Summit tal-Kunsill Ewropew fi Brussell, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq dwar l-importanza tal-politika tal-koeżjoni u li jintlaħaq bilanċ li jirrifletti r-realtajiet u l-isfidi ta’ kull Stat Membru. F’din il-laqgħa, il-mexxeja kellhom l-opportunità li jiddiskutu l-progress milħuq taħt il-Presidenza Ċiprijotta fin-negozjati dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2028-2034, dak magħruf aħjar bħala l-Budget Ewropew fit-tul.
F’dan il-kuntest, il-Prim Ministru tkellem b’mod partikolari dwar l-importanza li l-Unjoni Ewropea tibqa’ tħares lejn il-politika ta’ koeżjoni bħala vejikolu tal-progress u l-iżvilupp, inkluż fl-isforzi biex tissaħħaħ il-kompetittività tal-blokk. Huwa tenna li s-sovranità fiskali għandha tibqa’ l-kompetenza tal-Istati Membri u qal li l-Budget irid jirrifletti l-aspirazzjonijiet taċ-ċittadini u jibqa’ jixpruna riformi kredibbli, realistiċi u li jsibu l-qofol tagħhom fl-interessi nazzjonali. Dawn id-diskussjonijiet saru wkoll fil-marġni tal-Kunsill f’laqgħa bejn grupp ta’ sittax-il pajjiż magħruf bħala ‘Friends of Cohesion’.
Il-Kunsill Ewropew iddiskuta wkoll il-kompetittività fejn il-Prim Ministru Malti saħaq li din tibqa’ kruċjali għall-prosperità fl-Ewropa. Tkellem dwar l-aċċessibilità tas-Suq Waħdieni u qal li l-Ewropa ma taffordjax li ssir insulari u għalhekk l-importanza tat-tisħiħ tal-koperazzjoni ma’ sħab strateġiċi. Dan anki f’kuntest ta’ sfidi globali fejn irid ikollna bilanċ bejn il-kummerċ ħieles u s-sigurtà ekonomika.
Il-Mexxejja tkellmu wkoll dwar il-Lvant Nofsani, diskussjoni li seħħet fl-isfond ta’ żviluppi fluwidi fit-taħditiet ta’ paċi bejn l-Istati Uniti u l-Iran. Il-Prim Ministru Robert Abela indirizza s-sitwazzjoni umanitarja f’Gaża li tibqa’ waħda inaċċettabbli, fejn l-aċċess għall-għajnuna umanitarja u l-protezzjoni ta’ ċittadini ċivili jibqgħu prinċipji ewlenin fil-liġi internazzjonali. Dwar l-Ukrajna, il-Prim Ministru qal li l-kordinazzjoni u d-djalogu għandhom jibqgħu jservu ta’ boxxla li trid twassal għat-tmiem tal-gwerra, b’rispett lejn il-ħarsien tas-sovranità u l-integrità tat-territorju Ukren.
Fi Brussell, il-Prim Ministru Robert Abela pparteċipa wkoll f’laqgħa ta’ koordinament fuq it-tema tal-migrazzjoni flimkien ma’ erbatax-il Stat Membru ieħor u l-Kummissjoni Ewropea. Hawn ġie nnotat il-progress sostanzjali li sar permezz tal-koordinament ta’ dan il-grupp, fejn b’mod ewlieni ntlaħqu tragwardi importanti fl-Unjoni Ewropea, dak l-aktar riċenti jkun l-adozzjoni tar-reviżjoni tar-Regolament tar-Ritorn, u kif ukoll fuq livell aktar wiesgħa fil-Kunsill tal-Ewropa bid-dikjarazzjoni ta’ Chișinău. Il-Prim Ministru saħaq li dan il-progress issa jrid ikun sostnut b’implimentazzjoni kkordinata u aċċellerata, u permezz ta’ aktar koperazzjoni f’diversi fora multilaterali, u permezz tat-tisħiħ tar-relazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi tal-oriġini u tat-tranżitu.

