Friday, November 15, 2024

Il-Prim Imħallef jisħaq il-bżonn ta’ Mħallfin u Maġistrati oħra

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

F’diskors li għamel waqt il-ftuħ tas-Sena Forensi, il-Prim Imħallef Mark Chetcuti saħaq fuq il-bżonn li jiżdiedu żewġ Imħallfin u żewġ Maġistrati oħra bil-għan li titnaqqas il-backlog ta’ kawżi li għadhom pendenti u kif ukoll biex tissaħħaħ is-sezzjoni tal-Maġistratura partikolarment fil-kawżi tal-vjolenza domestika. 

Huwa beda biex qal li bħala korp wieħed, il-ġudikanti jagħmlu ħafna sagrifiċċji li ma jidhru mkien biex il-ġustizzja f’waqtha u mingħajr indħil u b’mod għalkollox imparzjali. Iżda wera d-dispjaċir tiegħu li sena wara l-oħra, l-isforzi kollha mhux isarrfu f’riżultat mixtieq għalkemm il-ġudikatura qiegħda taħdem biex dan jitwettaq. 

Dr Chetcuti qal li hu flimkien ma’ erba’ Mħallfin oħra jisimgħu l-appelli kollha mis-sentenzi tal-Qrati Superjuri Ċivili, tal-Familja u tal-Prim Awla Sede Kostituzzjonali. Huwa qal li l-problema qiegħda fl-appelli ċivili bil-proċedura l-antika fejn bilfors irid isir smigħ tal-appell. Sostna li f’dawn l-aħħar sentejn daħlu medja ta’ 400 appell kull sena.

Huwa rrimarka madankollu li bl-isforzi kollha li saru mill-ħames Imħallfin f’dawn l-aħħar sentejn qed jingħalqu madwar 600 appell kull sena iżda għad fadal xi 800 appell b’lura, għalkemm dawn niżlu miċ-ċifra ta’ 1,400 appell pendenti. Qal li dan mhux biżżejjed u ‘l bogħod mix-xewqa tal-ġudikanti tal-appell. 

Kien għalhekk li saħaq li żieda ta’ żewġ Imħallfin oħra fil-Qorti tal-Appell mhumiex se jżidu xi piż kbir fuq l-amministrazzjoni f’dak li hu spazju u persuni mħarrġa biex jassistuhom  u se jħaffu fl-għeluq tal-appelli li hemm b’lura fi żmien relattivament qasir. 

Dwar il-problema tal-vjolenza domestika, huwa nnota li din qiegħda dejjem tikber, u jeħtieġ li tissolva u ssir ġustizzja f’waqtha kemm għall-vittmi, kif ukoll għal min hu akkużat li jnaddaf ismu malajr jekk m’għandux ħtija jew li jħallas ta’ għemilu skont ma tipprovdi l-liġi. 

Insista fuq il-bżonn ta’ żewġ Maġistrati oħra, b’wieħed minnhom huwa meħtieġ biex jgħin f’dawn il-kawżi. Qal ukoll li hemm setturi oħra bħal kawżi tal-ħasil tal-flus li dejjem qed jiżdiedu u fejn iż-żewġ Maġistrati abbinati qed isibuha diffiċli biex ilaħħqu mal-volum tax-xogħol, u għalhekk hemm bżonn ta’ Maġistrat ieħor biex jgħinhom.

“Irrid ngħid ukoll li fil-verità hemm bżonn urġenti ta’ żewġ Maġistrati oħra għal volum kbir ta’ kawżi kriminali sommarji dwar drogi, kolliżjonijiet, u infurzar ta’ varji liġijiet bħal dawk tas-sanità, kaċċa, vjolazzjoni ambjentali, li min-natura tagħhom iridu jinqatgħu fi żmien qasir,” qal il-Prim Imħallef. 

Qal ukoll li miżura oħra li tista’ ttaffi mid-dewmien bla bżonn ta’ kawżi, fil-proċeduri kollha quddiem il-Qrati huwa l-mod kif isiru n-notifiki tal-atti. Qal li llum l-informatika qiegħda hemm biex tgħin u tassisti f’ċertu proċeduri.

“Ma narax għalfejn ma għandhiex tiġi adottata s-sistema li tintuża f’pajjiżi kbar ħafna b’miljuni ta’ abitanti fejn min jippreżenta att irid jindika indirizz elettroniku għal finijiet kollha ta’ notifika ta’ att sussegwenti bid-dmir li żomm tali indirizz dejjem attiv u f’każ ta’ bdil jgħarraf b’dan fis-sistema tal-Qorti. Fin-nuqqas, affissjoni diretta mal-indirizz minnu mogħti fl-atti jkun biżżejjed għall-finijiet ta’ notifika.”

Il-Prim Imħallef insista wkoll li soluzzjoni oħra li tista’ tiddaħħal f’qasir żmien, li għalkemm ftit dispendjuża tista’ ttaffi milll-problema b’mod temporanju għan-nuqqas akut fin-numru ta’ membri tal-ġudikatura Maġisterjali, hija l-introduzzjoni ta’ ‘court attorney’ ma’ kull Maġistrat kif hemm bħalissa mal-Imħallfin biex jassistu lill-Maġistrati fix-xogħol tagħhom fosthom fl-abbozzar ta’ sentenzi. 

Ekonomija

Sport