Tuesday, May 14, 2024

“L-Ewropej jeħtieġ ibaxxu t-thermostats biex jiġi mnaqqas il-konsum tal-gass”

Aqra wkoll

It-tnaqqis tas-sħana u l-aġġustament tal-boilers se jkunu neċessarji għall-Ewropej hekk kif dawn il-pajjiżi se jkunu qegħdin jiffaċċjaw ix-xhur kesħin tax-xitwa mingħajr provvista ta’ gass min-naħa tar-Russja.

L-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija (IEA) f’rapport li ħarġet qalet li l-Unjoni Ewropea qiegħda tiffaċċja “riskji bla preċedent” għax-xitwa li ġejja wara li r-Russja waqqfet kważi kompletament il-provvista tal-gass minħabba dak li qiegħed jiġri ġewwa l-Ukrajna. 

L-IEA – li hija bbażata f’Pariġi – qalet li s-sidien tad-djar jeħtieġ li jbaxxu l-livell tat-thermostats biex ikun jista’ jitnaqqas l-użu tal-gass, u dan hekk kif l-Ewropa qiegħda tikkalkula li trid tnaqqas 13% tal-użu ta’ din ir-riżorsa bħala preparazzjoni għall-qtugħ totali tal-provvista Russa. 

Fir-rapport tagħha l-IEA qalet li, “il-qtugħ komplet tal-provvista tal-gass Russu ma jistax ikun eskluż għall-istaġun tat-tisħin 2022/23 – meta s-suq tal-gass Ewropew ikun l-iktar vulnerabbli.” L-IEA ħeġġet ukoll lill-UE biex tiffokka ħalli żżid ir-riserva ta’ gass tagħha għal 90%, hekk kif fil-preżent din hija ta’ 88%, filwaqt li qalet li din ir-riserva m’għandhiex tinżel taħt it-33% biex b’hekk ikun hemm biżżejjed f’każ li jkun hemm perjodi ta’ ħafna kesħa. Skont l-analisti tal-IEA, id-djar jistgħu jiffrankaw ħafna enerġija anke sempliċiment jekk inaqqsu t-temperatura b’1oC.  

Il-mexxejja Ewropej qed jgħidu li l-qtugħ tal-gass min-naħa tar-Russja huwa tpattija talli l-gvernijiet qegħdin jappoġġjaw lill-Ukrajna u imponew sanzjonijiet fuq Moska. Is-sitwazzjoni kompliet tiggrava wkoll hekk kif il-pipeline North Stream 1, li twassal il-gass mir-Russja għall-Ewropa, spiċċat ingħalqet għal perjodu indefinit wara li nstabu għadd ta’ nixxijiet fil-Baħar Batiku. Il-ħsarat f’din il-pipleine kienu kkawżati minħabba splużjonijiet taħt il-baħar liema każ l-gvernijiet Ewropej qed jallegaw li kien sabutaġġ. Ir-Russja qalet li hi mhix responsabbli għal dan. 

Il-gvernijiet Ewropej u n-negozji kkumpensaw għat-tnaqqis fil-provvista Russa billi xtraw gass naturali likwifikat bi prezz għoli ħafna minn pajjiżi bħall-Istati Uniti u l-Qatar. Huma żiedu wkoll il-provvista permezz ta’ pipeline min-Norveġja u mill-Ażerbajġan. 

Sport