Saturday, December 14, 2024

Il-Prim Ministri ta’ New Zealand u l-Finlandja jiċħdu li ltaqgħu għax għandhom “kważi l-istess età”

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-mexxejja ta’ New Zealand u l-Finlandja warrbu s-suġġeriment ta’ ġurnalist li rranġaw laqgħa minnħabba li għandhom “kważi tal-istess età”. 

F’konferenza stampa f’Auckland, il-Prim Ministru tal-Finlandja Sanna Marin u dik ta’ New Zealand Jacinda Ardern qalu li ltaqgħu għax huma Prim Ministri u mhux għax it-tnejn huma mexxejja nisa żgħażagħ.

Is-Sinjura Ardern staqsiet jekk mexxejja maskili kieku kinux jaffaċċjaw l-istess mistoqsija. “Għax żewġ nisa jiltaqgħu ma jfissirx biss minħabba l-ġeneru tagħhom,” hija qalet. 

Ġurnalist minn New Zealand staqsa dwar ir-raġuni għat-taħditiet u qal “ħafna nies se jkunu qed jistaqsu jekk intom it-tnejn qegħdin tiltaqgħu għax intom simili fl-età u għandkom ħafna affarijiet komuni hemmhekk.” 

Is-Sinjura Ardern wieġbet billi qalet: “xi ħadd qatt staqsa jekk Barack Obama u John Key iltaqgħux għax kienu simili fl-età.” L-eks President Amerikan Obama u l-eks Prim Ministru ta’ New Zealand Key, twieldu ftit jiem wara xulxin fl-1961. 

Ardern ta’ 42 sena żiedet tgħid: “aħna ovjament, għandna proporzjon kbir ta’ rġiel fil-politika. Din hi realtà. Minħabba li żewġ nisa jiltaqgħu, ma jfissirx sempliċiment minħabba s-sess tagħhom.” 

Imbagħad hija elenkat ir-relazzjonijiet kummerċjali bejn il-pajjiż u qalet li “l-laqgħa tagħna llum hija ċans sabiex verament nisfruttaw l-opportunitajiet ekonomiċi bejn iż-żewġ pajjiżi tagħna.”

“Huwa xogħolna li nkomplu dan, irrispettivamet mis-sess tagħna,” temmet tgħid Ardern. 

Min-naħa tagħha, is-Sinjura Marin, li għandha 37 sena qablet ma’ dak li qalet Ardern u qalet li ltaqgħu “għax huma Prim Ministri.” Hija tinsab fi New Zealand fl-ewwel żjara uffiċjali tagħha u hi l-ewwel Prim Ministru Finlandiż li żaret il-pajjiż. 

Waqt il-laqgħat bilaterali tagħhom, il-mexxejja qalu li ddiskutew diversi kwistjonijiet importanti, inkluż it-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku globali u l-għoli tal-ħajja.

Ardern qalet li huma jaqsmu “impenn qawwi” fl-appoġġ tagħhom lejn l-Ukrajna wara l-invażjoni Russa, u li l-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli li jiddependu fuqu pajjiżi tagħhom jinsab taħt pressjoni minħabba l-kunflitt. Fil-laqgħat kienu diskussi wkoll il-protesti riċenti fl-Iran.

“Ninsab inkwetata dwar is-sitwazzjoni ta’ bħalissa fl-Iran. In-nisa kuraġġużi li qed jipprotestaw kontra l-liġijiet u s-sitwazzjoni tas-sigurtà tan-nisa fl-Iran. Għandna bżonn nindirizzaw dawn it-tip ta’ kwistjonijiet flimkien,” qalet Marin. 

Ekonomija

Sport