Wednesday, March 27, 2024

Il-Prim Ministru b’appell biex il-Qrati jibagħtu messaġġ ċar li ċertu mġiba mhix aċċettabbli fis-soċjetà

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Meta mistoqsi mill-ġurnalisti dwar il-każ tal-omiċidju ta’ Pelin Kaya, li tilfet ħajjitha wara li ttajret minn karozza fil-Gżira, il-Prim Ministru Robert Abela tenna l-appell li għamel lill-Qrati tagħna sabiex jibagħtu messaġġ ċar kemm waqt il-proċess tal-ħelsien mill-arrest sal-eventwali sentenza.

Waqt li qal li dan kien każ li mlieh b’rabja kbira, il-Prim Ministru nsista li din it-tip ta’ mġiba mhix aċċettabbli fis-soċjetà tagħna. Huwa kompla billi nnota li l-Korp tal-Pulizija rreaġixxa b’mod effiċjenti għal dan l-inċident ikrah.

“Bla ma nikkummenta fuq il-każ, nistenna li l-Qrati jagħtu messaġġ ċar kemm fil-proċess tal-ħelsien mill-arrest sal-eventwali sentenza, li min mhux kapaċi jgħix f’soċjeta b’mod diċenti u min mhux kapaċi jirrispetta l-valuri bażiċi tal-poplu Malti u min bl-attitudni egoista tiegħu jfixkel is-sens ta’ sigurtà f’pajjiżna hemm il-Qrati jridu jibgħat messaġġ ċar.

Mistoqsi dwar il-verdett li ngħata fil-ġuri dwar il-qtil ta’ Sion Grech, il-Prim Minisru qal li huwa għalkollox inaċċettabbli li jkollok verdett li jingħata 18-il sena wara li jkun seħħ il-każ.

Hawn tkellem dwar il-kumplessitajiet li jġib miegħu dan id-dewmien, fejn wieħed miż-żewġ akkużati li ma nstabux ħatja għamel 10 snin miżmum il-ħabs għax ma ngħatax ħelsien mill-arrest. Min-naħa l-oħra, qal li l-akbar tħassib li għandu huwa lejn il-familjari tal-vittma “li ma tistax tħalliehom jistennew il-kors u l-eżitu tal-proċess ġudizzjarju għal 18-il sena.”

“Naf kemm il-Qrati qed jagħmlu sforz biex kemm jista’ jkun il-problema tad-dewmien fil-proċeduri jnaqqsuha. Irridu nkunu onesti, din hi problema endemika fil-qrati, ilha hemm għal għexieren ta’ snin. Kull sforz li sar sal-lum il-ġurnata ma ħalliex il-frott meħtieġ.”

Semma kif bħala Gvern allokaw ir-riżorsi kollha kif mitluba mill-amministrazzjoni tal-Qorti fosthom biż-żieda fil-ġudikanti. Qal li issa huwa sta għall-amministrazzjoni tal-Qorti, li r-riżorsi li ngħataw jiġu mħaddma bl-aqwa mod possibbli.

Ekonomija

Sport