Thursday, December 26, 2024

Il-Prim Ministru b’fiduċja li l-Kunsill tal-Ewropa se jappoġġa s-sejħa ta’ Malta għas-solidarjetà

Aqra wkoll

Minn MELVIN FARRUGIA

Il-Prim Ministru Robert Abela qal f’ittra lill-Kummissarju Ewropew għad-Drittijiet tal-Bniedem, Dunja Mijatović li fiċ-ċirkostanzi preżenti hu jpoġġi l-fiduċja tiegħu fil-Kunsill tal-Ewropa, biex dan jappoġġa s-sejħa ta’ Malta għas-solidarjetà, li skont hu hi l-unika soluzzjoni vijabbli u dejjiema għal dawn il-problemi. 

Barra minn hekk, il-Prim Ministru qal li jistenna b’ħerqa r-rispons ta’ din il-kummissarju bi pjan ta’ azzjoni konkret u effettiv biex jiġi żgurat qsim ta’ responsabbiltà bejn l-istati membri kollha tal-Kunsill tal-Ewropa. Abela qal li Malta temmen f’approċċ komprensiv lejn soluzzjonijiet konkreti għall-kumplessità u l-isfidi li toffri l-immigrazzjoni bil-baħar. Qal li permezz ta’ kontribuzzjoni kkoordinata bejn l-istakeholders kollha, fosthom anke mis-soċjetà ċivili, tista’ toffri rispons effettiva biex jitrażżnu t-traffikanti tan-nies ħalli ma jkomplux b’dawn l-operazzjonijiet illeċiti fejn jitfgħu lil dawn l-immigranti fuq bċejjeċ tal-baħar u b’riskju għal ħajjithom. 

Abela kien qed iwieġeb għal ittra li bagħtitlu l-Kummissarju Mijatović, fejn talbet biex Malta tosserva l-obbligi tagħha taħt il-liġijiet internazzjonali tal-baħar u anke tad-drittijiet tal-bniedem. Talbet li ebda persuni ma jittieħdu lura l-Libja, peress li dan ma jistax jitqies bħala post sigur. Filwaqt li rrikonoxxiet li Malta ilha tiffaċċja sfidi kbar minħabba l-immigrazzjoni bil-baħar, u li issa qed tkompli tiffaċċja aktar minnhom sa minn meta bdiet il-COVID-19, min-naħa l-oħra hi qalet li dawn m’għandhomx iwaqqfu mill-obbligi li jiġu salvati l-ħajjiet u li dawn l-immigranti jitniżżlu fuq l-art. 

Mijatović assigurat lill-Prim Ministru Malti li se tkompli titlob għal aktar solidarjetà u ko-operazzjoni mill-istati membri tal-Kunsill tal-Ewropa ħalli filwaqt li jiġu protetti d-drittijiet ta’ dawk li jkunu fuq il-baħar, min-naħa l-oħra tinqasam ir-responsabbiltà fit-tfittxijiet u fis-salvataġġ u fit-tniżżil ta’ dawn l-immigranti fuq l-art. Sadanittant, talbet lill-Prim Ministru Malti biex jiżgura li d-drittijiet ta-immigranti salvati mill-baħar qatt ma jitpoġġew f’riskju minħabba nuqqas ta’ qbil bejn stati membri dwar fejn għandhom jitniżżlu. 

Ekonomija

Sport